Lokali Qorti

Sidien ta’ propjetà rekwiżizzjonata fil-Belt jingħataw €600,000 f’danni

Sidien ta’ proprjetà fil-Belt Valletta ngħataw kważi €600,000 f’danni wara li kkontestaw b’suċċess ordni ta’ rekwiżizzjoni li, għal bosta snin, kkaġunalhom “tbatija serja” li kisritilhom id-drittijiet fundamentali tagħhom. Il-każ kien jikkonċerna bini fi Triq il-Merkanti, oriġinarjament akkwistat mill-predeċessur tas-sidien tal-lum b’titolu tal-1943.

Sal-1975, il-bini kien jintuża biex jospita l-uffiċċji tad-direttur tas-sigurtà soċjali. Madankollu, f’Mejju 1975, is-segretarju tal-housing avża lis-sidien li l-proprjetà kellha tinkera għal użu residenzjali u li l-kerrej kellu jħallas l-Lm80 ffissati bħala kera direttament lis-sid.

Iżda s-sid ta’ dak iż-żmien irrifjuta li jaċċetta dan u ressaq proċeduri fil-qorti biex talab awtorizzazzjoni biex ma jirrikonoxxix lill-kerrej. Is-sid rebaħ il-każ u d-deċiżjoni ġiet ikkonfermata fl-appell fl-1990, iżda sussegwentement, il-fond ġie allokat minn Housing lil kerrej ieħor.

Eventwalment, partijiet terzi tħallew jokkupaw il-post u partijiet sostanzjali tal-fond saħansitra ġew ikkonvertiti għall-użu kummerċjali, mingħajr il-liċenzji jew permessi meħtieġa fis-seħħ. Il-bini ta’ ċertu kobor kien maqsum f’taqsimiet separati li jikkonsistu fi flats kif ukoll workshop industrijali.

Sal-2013, id-direttur tal-akkomodazzjoni soċjali ħallas il-kera li kienet żdiedet għal Lm204 fis-sena permezz ta’ deċiżjoni tal-qorti fl-1991. Iżda wara l-2013 il-ħlasijiet tal-kera waqfu. Kien il-Housing li riedet tħallas dik is-somma annwali lill-avukat tas-sidien biex tevita l-battikata li jkollha tqassam l-ammont fost xi tużżana sidien.

Iżda, meta Housing ma rċeviet l-ebda tweġiba, sempliċement waqfet tħallas il-kera. L-ordni ta’ rekwiżizzjoni qatt ma nqalgħet għax ma seta’ jintlaħaq l-ebda ftehim bejn is-sidien u l-inkwilini biex jassiguraw li dawn tal-aħħar ma jispiċċawx mingħajr post fejn joqogħdu. Is-sidien ippreżentaw każ fl-2019, ikkontestaw dik l-ordni ta’ rekwiżizzjoni u ħarrku kemm lill-Awtorità tad-Djar kif ukoll lill-kerrejja li kellhom interess dirett fit-tilwima.

Meta tat is-sentenza, il-Prim’Awla, Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, ippreseduta mill-Prim Imħallef Mark Chetcuti, osservat li l-legalità tal-ordni ta’ rekwiżizzjoni ma kinitx qed tiġi kkontestata. Miżura bħal din kienet maħsuba biex tiżgura li kulħadd, irrispettivament mill-mezzi u l-istatus finanzjarju u soċjali, ikollu dar.

Madankollu, l-interferenza mad-drittijiet tas-sidien kellha tkun meħtieġa fi ħdan soċjetà demokratika u kellu jintlaħaq bilanċ ġust bejn l-interess pubbliku u d-drittijiet tal-proprjetà tal-individwu. Għalkemm l-awtoritajiet kellhom diskrezzjoni wiesgħa dwar l-interpretazzjoni tal-interess pubbliku jew ġenerali, dik id-diskrezzjoni ma kinitx illimitata u kellha dejjem tiġi eżerċitata fir-rigward tal-esiġenzi minimi stabbiliti mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Rigward il-każ in kwistjoni, għalkemm l-espert tal-qorti u l-perit tal-partijiet kienu ħarġu b’valutazzjonijiet differenti, jidher ċar li kien hemm sproporzjon qawwi bejn il-valur tal-kera fis-suq miftuħ u l-kera dovuta lir-rikorrenti bħala sidien tal-proprjetà rekwiżizzjonata. .

Għalkemm il-Housing argumentat li r-rikorrenti kienu aċċettaw is-sitwazzjoni u kienu kuntenti bil-kera ġġenerata, kien hemm provi li jikkontradixxu għal kollox dan l-argument. Fil-fatt, il-predeċessur tagħhom fit-titolu kien ressaq il-kwistjoni l-qorti u s-sidien attwali ilhom ma rċevew l-ebda kera mill-2013.

Sakemm tingħata tweġiba dwar jekk jistgħux jgħaddu l-flus lill-avukat tas-sidien, il-Housing setgħet għall-inqas iddepożita s-somma fil-qorti, irrimarka l-imħallef. Il-qorti warrbet ukoll l-argument tal-intimat li l-kera kellha tiġi kkalkolata b’rati residenzjali, filwaqt li rrimarkat li Housing iddeċidiet li tikkonverti l-post minn kummerċjali għal residenzjali u r-rikorrenti ma kellhomx ibatu minħabba dik id-deċiżjoni.

Meta wieħed iqis diversi fatturi, fosthom il-post fejn tinsab il-proprjetà f’sit fejn l-ispazju għall-uffiċċji kien hemm domanda kbira, is-snin li fihom is-sidien ġew imċaħħda b’mod inġust, il-kera baxxa, kif ukoll l-irregolaritajiet li qed iseħħu fil-post, il-qorti kkonkludiet li id-drittijiet tar-rikorrenti ġew miksura skont l-Artikolu 1 Protokoll 1 tal-Konvenzjoni.

Il-Qorti ordnat ukoll ir-revoka tal-ordni ta’ rekwiżizzjoni, u żiedet li ma kien hemm l-ebda raġuni għaliha peress li l-aħħar kerrej kien għadda ċ-ċwievet tal-housing is-sena l-oħra. Fl-aħħar ir-rikorrenti ngħataw €568,507 f’danni pekunjarji u €8,500 oħra f’danni morali. L-avukati Stefano Filletti u Nicole Galea rrappreżentaw lir-rikorrenti.