L-aħwa George u Alfred Degiorgio ammettew l-akkużi kollha li tressqu kontrihom fosthom dak tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
George Degiorgio ta’ 59 sena magħruf bħala ċ-Ċiniż u Alfred Degiorgio ta’ 57 sena magħruf bħala l-Fulu ġew ikkundannati għal 40 sena priġunerija kull wieħed kif ukoll ħlas ta’ €42, 930 kull wieħed fi spejjeż tal-Qorti wara l-ammissjoni tagħhom, jiġifieri li kienu l-eżekuturi tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia lura fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li hemm qbil bejn id-difiża kif ukoll anke l-parte civile…madanakollu l-Imħallef mistennija tati s-sentenza uffiċjali tagħha fis-siegħa li ġejja.
Wara li illum ngħata bidu għal ġuri fil-konfront tal-aħwa Degiorgio huma ammettew wara li l-ġuri waqaf ħesrem għall-ħabta tas-siegħa.
Għal ħabta tal-ħamsa ta’ waranofsinhar ġew imsejħa speċjalisti mediċi biex iwettqu eżamijiet psikjatriċi hekk kif l-irġiel ħabbru li kienu lesti jammettu l-akkużi miġjuba kontrihom.
Lura fi Frar tal-2021, Vince Muscat, il-Koħħu, kien ammetta l-kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista qabel għadda ġuri u kien ikkundannat piena ta’ 15-il sena wara li huwa kien għen lill-Pulizija dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia iżda mhux biss hekk kif kien ta informazzjoni utli wkoll biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien intqatel lura fl-2015.
Daphne Caruana Galizia nqatlet f’karozza bomba ftit passi bogħod mir-residenza tagħha fil-Bidnija, qtil li heżżeż is-sisien ta’ pajjiż, u mhux biss.
Intant permezz ta’ post fuq il-midja soċjali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech iddeskriva dak li seħħ fil-Qorti bħala pass ieħor lejn it-twettiq tal-ġustizzja.
Huwa insista li rridu nibqgħu nirsistu sabiex toħroġ il-verita kollha sabiex verament titwettaq ġustizzja b’mod sħiħ.
//= $special ?>