Lokali

Aktar għarfien dwar il-kanċer tas-sider

“Persuna tgħix aktar meta tieħu l-kura b’mod immedjat – u għalhekk il-bżonn ta’ screening regolari”

Dan kien il-messaġġ li wasslet mart il-Kap tal-Partit Nazzjonalista AnneMarie Grech hekk kif indirizzat avveniment sabiex tiċċelebra għeluq snina u fl-istess ħin tqajjem għarfien dwar il-kanċer tas-sider fost in-nisa u l-irġiel.

Dan l-avveniment kellu t-tema ‘A touch of pink’.

AnneMarie Grech qalet li ommha stess skopriet li kellha kanċer tas-sider fi stadju bikri sabiex eventwalment wara l-kura meħtieġa hija kienet għexet għal tnax-il sena oħra.

Għal dan l-avveniment kien hemm tlett mistiedna speċjali fosthom raġel li kellu kanċer tas-sider illi tkellem dwar il-bżonn li jkun hawn aktar għarfien fuq dan is-suġġett.

Barra minn hekk, tħejja feature rigward l-importanza li wieħed jagħmel it-testijiet sabiex jaċċerta ruħu li jinsab f’saħħtu.

Preżenti għal dan l-avveniment kien hemm il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino kif ukoll diversi deputati tal-Partit Nazzjonalista.