“Il-Gvern abbanduna lir-residenti tal-Mosta filwaqt li l-Kunsill Lokali lanqas qed jaqbeż għalihom”
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech wara żjara li kellu fil-Mosta l-Ġimgħa filgħodu, bħala parti mill-inizjattiva li qed jieħu ta’ kull ġimgħa – li jqatta’ jum sħiħ man-nies, f’lokalita’ partikolari.
Bernard Grech qal li fil-Mosta diversi negozji qed jilmentaw minħabba x-xogħolijiet li qed isiru fi Triq il-Kbira. Bosta negozji qalu li l-bejgħ naqqas sew minħabba x-xogħol li jkun qed isir u barra minn hekk ġieli jgħaddu ġranet fejn ix-xogħol ikun wieqaf.

Fil-Mosta Bernard Grech żar diversi djar kif ukoll negozji fejn bosta tkellmu miegħu dwar l-isfidi li qed jaffaċjaw bħalissa. Huwa stqarr li ltaqa’ ma diversi nies kemm fi djarhom kif ukoll waqt li kienu xogħol fejn ilmentaw fuq l-għoli tal-ħajja kif ukoll fuq nuqqas t’aċċess għal ċertu servizzi.
Bernard Grech saħaq li dawn iż-żjarat qed isiru għaliex jemmen li l-politika għanda ssir ukoll man-nies sabiex ikun hemm titjib fil-kwalita’ ta’ ħajjitna.

