Lokali

“Il-Gvern għandu jirtira t-3 abbozzi li ppreżenta fil-Parlament” – PN

Robert Abela jibqa’ ma jridx jagħmel konsultazzjoni pubblika u minflok iqabbad lil ħaddieħor jagħmilha għalih

Hekk intqal fi stqarrija li ħarġu id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina u Claudette Buttigieg.

Fid-dawl tal-laqgħa li r-rappreżentanti tal-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin kellhom mal-Prim Ministru l-Ħamis fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li Robert Abela għandu jirtira t-3 abbozzi ta’ liġi li l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ppreżenta quddiem il-Parlament minkejja li kien jaf li ma seħħet l-ebda konsultazzjoni pubblika dwarhom. 

Minflok għażel li jagħmel il-konsultazzjoni pubblika hu nnifsu, il-Prim Ministru qabbad lil ħaddieħor jagħmilha għalih. Il-Prim Ministru ma jidhirx li hu nteressat li jisma’ direttament hu x’bidliet jeħtieġ li jsiru f’pajjiżna biex il-midja u l-ġurnalisti jkunu tassew protetti u biex kulħadd igawdi mid-dritt għall-informazzjoni.

Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li quddiem il-Parlament għandu jkun hemm biss abbozzi ta’ liġi li l-kontenut tagħhom ikun għadda minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva u mhux abbozzi ta’ liġijiet li nkitbu bil-moħbi kif irid Robert Abela.

Il-Partit Nazzjonalista ser jibqa’ għaddej bil-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-ġurnalisti u ma’ dawk kollha li għandhom interess fis-settur tal-media f’pajjiżna bil-għan li jkun f’pożizzjoni li jippreżenta l-emendi kolllha meħtieġa biex il-liġijiet ta’ pajjiżna jibdew joffru protezzjoni akbar lill-midja u lill-ġurnalisti u jissaħħaħ id-dritt għall-informazzjoni f’pajjiżna.