Lokali

Il-PN se jibqa’ jiġġieled għas-sigurta’ tal-ġurnalisti

“Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled sabiex il-ġurnalisti jkunu protetti kif jixirqilhom.”

Dan kien il-messaġġ li wassal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt laqgħa mal-Media Reform Initiative …fil-preżenza tad-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina.

Matul din il-laqgħa issemma’ kif l-abbozzi preżentati mill-Gvern ma jirriflettux il-ħidma importanti li trid issir biex jissaħħaħ dan is-settur. Bil-profesjonisti li jaħdmu fil-media itennu li hemm nuqqas ta’ apprezzament għal dan ix-xogħol. Barra minn hekk, intqal illi dawn l-abbozzi ma jirriflettux l-ostakkli u t-thedid li qed jaffaċċjaw bosta ġurnalisti ta’ kuljum.

Eżatt wara li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista mexxa din il-laqgħa, il-Gvern ħabbar li issa wara li qala’ baraxx ta’ kritika lest jikkonsulta. Għalkemm il-liġijiet mhux se jiġu rtirati minn quddiem il-Parlament.

Fi stqarrija, id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Karol Aquilina u Claudette Buttigieg qalu li quddiem il-Parlament għandu jkun hemm biss abbozzi ta’ liġi li l-kontenut tagħhom ikun għadda minn proċess ta’ konsultazzjoni pubblika wiesgħa u effettiva u mhux abbozzi ta’ liġijiet li nkitbu bil-moħbi, kif irid Robert Abela.  

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jkompli il-konsultazzjoni pubblika hu mal-ġurnalisti sabiex jieħu azzjoni f’isem dawn il-professjonisti li jaħdmu f’dan is-settur.

L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin minn naħa tiegħu irrimarka li issa donnu rebaħ is-sens komun, u reġa’ tenna l-importanza li ssir konsultazzjoni.