George Degiorgio magħruf bħala “iċ- Ċiniż” u Alfred Degiorgio magħruf bħala “Il-Fulu” ġew ikkundannati 40 sena ħabs kull wieħed wara li b’sorpriża ftit qabel ma kienu se jibdew jagħtu d-depożizzjoni tagħhom l-ewwel xhieda, ddeċidew li jammettu li kienu huma li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fis-16 ta’ Ottubru ta’ ħames snin ilu permezz ta’ karozza bomba.
Il-Qorti ordnat ukoll li kull wieħed minnhom iħallas €43,000 fi spejjeż tal-Qorti fi żmien tliet snin, u ordnat il-konfiska ta’ madwar €50,000 kull wieħed li huma ggwadanjaw minn dħul kriminali. Is-sentenza ta’ 40 sena tfisser li l-aħwa jistgħu jevitaw li jqattgħu l-bqija ta’ ħajjithom fil-ħabs, riskju li ffaċċjaw kieku instabu ħatja fi tmiem il-proċess. Dan minħabba li s-sentenza ta’ 40 sena tista’ tissarraf f’inqas żmien il-ħabs, dan jekk huma jġibu ruħhom sew.
Il-Qorti qalet ukoll li l-partijiet kienu qablu mal-piena ta’ 40 sena ħabs u li kienet ikkunsidrata l-ammissjoni tal-akkużati li madankollu dan seħħ ftit qabel beda l-ġuri u mhux fi stadju aktar bikri. Meta wara nofs inhar kellu jitkompla l-ġuri li beda filgħodu bl-indirizz tal-Imħallef lill-ġurati u bil-prosekuzzjoni tindirizza lill-ġurati biex tinfurmahom fuq il-provi li għandha kontra l-aħwa Degiorgio, l-Imħallef Edwina Grima kienet aġġornat il-proċess għat-3.00pm. biex jibdew jinstemgħu x-xhieda.
Madankollu kemm l-Imħallef kif ukoll l-avukati difensuri, l-prosekuzzjoni u l-parte civile ma tfaċċawx fl-awla. Dawk kollha preżenti fl-awla nkluż il-ġurnalisti ma setgħux jifhmu x’kien qed jiġri fejn irriżulta li dak il-ħin il-partijiet kollha kienu qegħdin jiddiskutu l-ammissjoni tal-aħwa Degiorgio.
Sadaniitant l-psikjatra Beppe Micallef Trigona iċċertifika li l-akkużati jinsabu f’qagħda mentali tajba biex iwieġbu ħatja u dan bħala garanzija għall-Qorti biex ma jingħadx wara, li l-ammissjoni ma kienitx valida. Għalhekk dak li ġara kien li filwaqt li filgħodu George Degiorgio meta mistoqsi hekk hux ħati jew le, qal “Ma għandi xejn xi ngħid” li għall-Qorti dan huwa kkunsidrat bħala tweġiba ta’ mhux ħati. L-istess mistoqsija saret lil Alfred Degiorgio li wieġeb mhux ħati.
Dan iżda kollu nbidel wara nofs inhar meta l-aħwa ddeċidew li jammettu. Ta’ min ifakkar li l-middleman fil-qtil Melvin Theuma kien ammetta li pparteċipa fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia iżda ingħata l-proklama. Anke Vincent Muscat magħruf bħala “Il-Koħħu” kien ammetta u ngħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs wara li kien għen lill-Pulizija fuq każ ieħor, dak tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop. Issa jonqos biss li jsir il-ġuri ta’ Yorgen Fenech li sa issa qed iwieġeb mhux ħati li pparteċipa fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
L-aħwa kienu qed jiġu akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia f’ġuri li kien ilu biex jibda sa minn Lulju li għadda, u li iżda ħa aktar fit-tul minħabba proċeduri legali fosthom li l-Avukat tal-akkużati William Cuschieri kien iddeċieda li ma jkomplix jidher għalihom lejliet il-ġuri, u sa fl-aħħar il-ġuri beda, u li ma damx minħabba l-ammissjoni.
Minkejja d-diversi talbiet li kienu saru mid-difiża biex il-ġuri ma jsirx , liema talbiet ġew miċħuda, dan beda il-Ġimgħa filgħodu, wkoll wara li ftit sigħat qabel il-proċess Alfred Degiorgio jidher li bela’ xi pilloli fil-ħabs, liema pilloli allegatament kienu ta’ żewġ priġunieri oħra. Il-gwardjani tal-ħabs mill-ewwel intervjenew bl-akkużat jittieħed fl-awla tal-Qorti b’siġġu tar-roti u tabib jakkumpanjah.
Il-Qorti preseduta mill-Imħallef Edwina Grima ordnat filgħodu biex Alfred Degiorgio jibqa’ akkumpanjat minn tabib jew nurse tul il-proċess kollu u jekk il-qagħda tiegħu tmur għall-agħar dan għandu jinforma mill-ewwel lill-Qorti. L-aħwa qed jiġi mixlija qed jiġu mixlija bil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li nqatlet permezz ta’ bomba fil-karozza tagħha u li ħadet ftit metri ‘l bogħod mid-dar tagħha fil-Bidnija, propju bħal nhar il-Ħadd li ġej ħames snin ilu – fis-16 ta’ Ottubru 2017.
Sadanittant qabel ma beda l-ġuri u qabel ma’ l-Imħallef ħadet postha fuq is-sedja u malli daħal fl-awla, George Degiorgio beda jikkummenta b’leħen għoli. “Sħabek qatluha lil Daphne, morru u arrestawhom. Dawk qatluha lil Daphne sħabek, li kont tkun spalla ma’ spalla magħhom”.
“Hekk tagħmluh ġuri?,” huwa qal b’leħen għoli u fakkar li mhux qed jiġi rrappreżentat minn avukat tal-għażla tiegħu u mal-kummenti tiegħu beda jgħid li qed jagħti l-permess lill-ġurnalisti biex jirrapportaw dak li kien qed jgħid. “X’pajjiż dan. Ajma ħej. Qas tistħu!” Kumment ieħor lejn in-naħa tal-Avukati tal-prosekuzzjoni George Degiorgio qal, “niltaqgħu kollha l-infern.”
L-aħwa qed jiċħdu s-sitt kapijiet ta’ akkuża kontrihom. Qabel ma l-ġurati ħadu posthom, l-avukati ta’ Degiorgio qalu li ma kellhomx żmien biżżejjed biex jiffamiljarizzaw ruħhom mal-ħafna provi. Il-Qorti ċaħdet dan l-argument, u rrimarkat li l-liġi speċifikat perjodu ta’ 20 jum għat-tħejjija tal-ġuri u li huma ngħataw 40.
L-għada li l-Imħallef Audrey Demicoli ma laqgħetx it-talba tal-aħwa biex il-ġuri ma jsirx Alfred Degiorgio beda fuq strajk tal-ġuħ ieħor, wara li fl-ewwel wieħed li għamel, li wassal biex jiġi pospost il-ġuri, kien wassal biex jiddaħħal l-isptar u l-ġuri jiġi pospost.Huwa beda dan l-istrajk wara li naqsu milli jipprovdulu avukat tal-għażla tal-akkużati.
L-aħwa Degiorgio kienu arrestati fl-4 ta’ Diċembru tal-2017 waqt raid fejn kienu arrestati 10 persuni. Kienu tlieta iżda li tressqu l-Qorti l-aħwa u Vince Muscat, il-Koħħu, li se jixhed f’dan il-ġuri. Wara n-nuqqas biex l-akkużati isibu avukat tal-għażla tagħhom, il-Qorti assenjat avukat hi biex jassisti lill-aħwa, Simon Micallef Stafrace u Martin Farrugia
Madanakollu, t-Tnejn filgħodu, dawn ressqu applikazzjoni kostituzzjonali biex ikollhom smigħ xieraq u qalu li jekk il-ġuri jibda dan id-dritt se jinkisrilhom, fosthom li huma ma riedux lil dawn l-avukati jassisuthom kif ukoll li jekk se jassistuhom mhumiex se jkollhom żmien biżżejjed biex jistudjaw il-każ tagħhom.
Din it-talba kienet miċħuda l-għada mill-Qorti kif kienet miċħuda talba tal-avukat Micallef Stafrace u Farrugia biex ma jsirx il-ġuri mill-Qorti Kostituzzjonali wara li qalu li ma kellhomx żmien biżżejjed biex jipprepraw għal ġuri tagħhom. Wara li ntagħżlu il-ġurati ħames irġiel u erba’ nisa u ħamsa suppliment il-Maġistrat bdiet tispjega lill-ġurati dwar il-proċess tal-ġuri.
Kemm kien il-massimu li kienu jeħlu ħabs li kieku m’ammettewx u nstabu ħatja
Inqraw ukoll l-akkużi fil-konfront tal-aħwa Degiorgio li huma mixlija b’sitt kapi ta’ akkuża li huma l-omiċidju ta’ Daphne Caruana Galizia li magħha iġġib sentenza ta’ għomor il-ħabs, l-isplużjoni li wasslet għall-mewt tagħha li wkoll iġġorr piena ta’ għomor il-ħabs, il-pusses illeċitu ta’ splussivi li għandha piena massima ta’ 12-il sena ħabs, li kkonfoffaw bl-għan li jitwettaq qtil li jġib miegħu sentenza ta’ bejn 20 u 40 sena ħabs.
Li organizzaw jew iffinanzjaw organizzazzjoni bl-għan li jwettqu reat li jġib miegħu sentenza ta’ aktar minn erba’ snin ħabs, liema akkuża ġġib magħha sentenza ta’ bejn erba’ u 12-il sena ħabs, li pparteċipaw f’konfoffa ta’ żewġ persuni jew aktar bl-intenzjoni li jitwettaq reat li ġġib magħha sentenza ta’ bejn erba’ u 12-il sena ħabs.
Wara kien imiss il-kelma tal-Avukat Ġenerali bil-Prosekuzzjoni titmexxa mid-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia, mgħejjun mill-Avukat Giannella Busuttil. Minn naħa tal-Pulizija l-prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra.
Alfred Degiorgio qed ikun assistit mill-avukat tal-għajnuna legali Martin Farrugia u ħuh George Degiorgio mil-avukat tal-għajnuna legali Simon Micallef Stafrace. L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia u Eve Borg Costanzi qed jassistu lill-familja ta’ Daphne Caruana Galizia.
//= $special ?>