Internazzjonali

L-Iran: Moviment żgħażugħ lejn il-bidla…bir-reġim jippersisti bil-vjolenza

Għada jagħlaq l-ewwel xahar ta’ protesti tal-massa kontra r-reġim Iżlamiku tal-Iran u li qed jitmexxew fil-parti kbira miż-żgħażagħ u studenti li qegħdin jixprunaw rivoluzzjoni ġdida favur il-libertà u d-dritt tal-għażla fil-pajjiż.

Id-dimostrazzjonijiet kontra l-Gvern tal-Ayatollah Ali Khamenei ma jidhrux li se jieqfu mindu żbruffaw minħabba l-mewt ta’ mara, Mahsa Amini, ftit wara li kienet arrestata mill-Pulizija tal-Moralità f’Tehran. L-arrest seħħ  minħabba li din il-mara ta’ 22 sena ma kenitx liebsa l-hijab skont ir-regoli Iżlamiċi u meta r-rapporti qalu li hi kienet issawtet brutalment mill-pulizija.

Fl-istess ħin, l-awtoritjiet qed jiċħdu għal dan fost stqarrijiet li Amini ‘mietet b’kaġun ta’ attakk tal-qalb’.

Mahsa  saret is-simbolu tar-ripressjoni tar-reġim Iranjan, bil-qawwiet tas-sigurtà ta’ Khamenei joqtlu ‘il fuq minn 200 persuna mill-bidu tad-dimostrazzjonijiet u meta huma qed jeżerċitaw il-ponn mal-ħadid f’numru ta’ bliet prinċipali.

Sadanittant, il-moviment tal-‘ġenerazzjoni ġdida tal-Iranjani’ qed jitqies bħala l-akbar sfida għar-Repubblika tal-Iran minn żmien ir-rivoluzzjoni tal-1979 immexxi mill-Ayatollah Ruhollah Khomeini  u li kienet bidlet il-pajjiż fi Stat Iżlamiku fundamentalista.

Fil-fatt, l-osservaturi barranin huma konvinti li l-ġenerazzjoni żgħażugħa tal-Iranjani  li fiha qed jispikkaw it-tfajliet tal-iskola kapaċi jagħmlu differenza kbira fil-pajjiż, fost indikazzjonijiet li r-reġim ta’ Khamenei jinsab fi stat ta’ paniku kbir.

Intant, ir-reġim baqa’ juża l-metodi brutali biex irażżan il-protesti u fl-aħħar sigħat ħarġu l-filmati mill-provinċja ta’ Kurdistan li juru persuni fuq trakk pickup waqt li qegħdin jisparaw kontinwament lejn in-nies li qed jaħarbu minn quddiemhom,

L-aħħar protesti seħħew fil-belt ta’ Ahvaz, b’talanqas 40 dimostrant jisfaw midruba mill-qawwiet tas-sigurtà li anki wettqu numru sinifikanti ta’ arresti fi bliet oħrajn lejn il-Punent tal-Iran.