Internazzjonali

L-Istati Uniti: Donald Trump mitlub li jixhed dwar il-vjolenza ta’ Jannar fil-Capitol

Il-kumitat li qed jevalwa l-konsegwenzi tal-irvellijiet tal-ewwel tas-sena fil-Capitol ta’ Washington ivvota unanimament biex l-eks President tal-Istati Uniti, Donald Trump, jitla’ jixhed quddiemu. Dan kien konkluż wara d-disa’ smigħ pubbliku tal-Kumitat tas-6 ta’ Jannar u li x’aktarx ikun l-aħħar wieħed ta’ dan it-tip.

Dan ukoll meta qabel kien hemm il-possibbiltà ta’ deċiżjoni biex Trump ikun ipproċessat għal kondotta kriminali mid-Dipartiment tal-Ġustizzja u bħalma kienu eqd jesiġu l-membri ta’ dan il-kumitat. Intant, għandha toħroġ direttiva – jew subpoena – biex l-eks President jidher quddiem il-kumitat biex iwieġeb għal reati relatati mal-attakk tas-6 ta’ Jannar fuq il-Capitol ta’ Washington u li fih kienu tilfu ħajjithom numru ta’ nies inkluż gwardjan tas-sigurtà.

Iżda d-deċiżjoni, effettivament, qed titqies bħala waħda simbolika u għalkemm is-subpoena formali tal-kumitat hu anki pass storiku, huwa kważi ċert li din se tkun injorata minn Donald Trump.

Id-deċiżjoni dwar jekk Trump għandux ikun mixli dwar dak li seħħ f’Washington fis-6 ta’ Jannar għandha tittieħed mid-Dipartiment tal-Ġustizzja u mhux mill-Kungress.

U waqt li l-Kumitat jista’ jivvota biex l-eks President Amerikan jispiċċa mixli dwar disprezz tal-qorti, l-Istati Uniti qed tħejji għall-elezzjonijiet tax-xahar id-dieħel magħrufa bħala mid-term u fejn il-poplu Amerikan irid jagħti ġudizzju dwar l-ewwel snin tal-amministrazzjoni tal-President Joe Biden.

Hemm anki possibbiltà li l-Partit Repubblikan ta’ Trump jirbaħ il-kontroll tal-Kamra tar-Rappreżentanti fil-bidu tas-sena d-dieħla u f’liema każ għandu jwaqqaf il-funzjoni tal-Kumitat tas-6 ta’ Jannar.

Madankollu, il-vot biex Trump jitla’ jixhed ħalli jispjega ruħu dwar l-avvenimenti fil-Capitol u l-White House xorta għandu jitqies bħala pass drammatiku fost l-akkużi kontra l-eks President. Dan meta ħarġu anki filmati li qatt ma dehru qabel dwar l-attakk fuq il-Capitol flimkien ma’ provi dokumentarji ġodda dwar l-iżviluppi ta’ dakinar.

Il-Kumitat tas-6 ta’ Jannar qed iżomm lil Donald Trump responsabbli għall-attakk fuq il-Capitol iżda qed isibha diffiċli biex jorbot direttament lill-eks President mal-vjolenza li xokkjat lill-Istati Uniti. Sadanittant, l-investigaturi qalu li Trump ħoloq klima li wasslet għall-vjolenza u li hu kien ‘konxju’ dwar il-potenzjal kbir ta’ inkwiet mill-partitarji tiegħu f’Washington.