Lokali

Raġel fil-periklu tal-mewt wara hit and run fil-Marsa

Raġel ta’ 54 sena mill-Marsa jinsab fil-periklu tal-mewt wara li ntlaqat minn karozza li baqgħet sejra.

Il-każ seħħ fi Triq San Tumas kantuniera ma’ Stiefnu Zerafa fil-Marsa stess ftit wara s-siegħa tal-Ġimgħa waranofsinhar.

Fil-post ġie msejjaħ tim mediku tal-ambulanzi li ħadu lir-raġel l-Isptar Mater Dei għal aktar kura fejn ġie ċċertifikat li weġġa’ serjament.

Filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Rachel Montebello ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta, il-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet meħtieġa fejn qed issir tfittxija għall-vettura involuta.