Internazzjonali

Renju Unit: Jitkeċċa l-Ministru tal-Finanzi fost il-kriżi tal-Gvern

Kwasi Kwarteng tkeċċa minn Kanċillier (Ministru) tal-Finanzi meta l-Gvern tal-Prim Ministru Liz Truss qed jiffaċċja taqlib kbir, ġimgħat biss wara li beda jmexxi l-pajjiż b’mod uffiċjali. It-taqlib finanzjarju fil-pajjiż tant hu kbir li kapaċi jirriżulta f’bidla ġdida fit-tmexxija, b’xi osservaturi ma jeskludux li Truss jista’ fadlilha biss ftit ġranet biex issalva l-pożizzjoni tagħha bħala Prim Ministru.

Il-Ministeru tal-Finanzi issa se jitmexxa minn Jeremy Hunt li diġà kellu karigi ministerjali relatati mal-Affarijiet Barranin u s-Saħħa.

Numru sinifikanti ta’ deputati Konservattivi diġà mhumiex kuntenti bil-mod kif qed tmexxi Trump, bi Kwarteng jitkeċċa minn Kanċillier ftit wara li hu kien ħabbar il-qtugħ fit-taxxa mingħajr il-fondi meħtieġa għal dan il-pass….Miżura li wasslet għall-problemi kbar finanzjarji fuq livell nazzjonali.

Intant, Kwarteng ikkonferma li ‘hu tkeċċa personalment minn Liz Truss’ kuntarju għal xi rapporti li hu kien irriżenja volontarjament. Dan wara li Kwarteng kien iltaqa’ ma’ Truss fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru f’Downing Street (Londra) wara li hu qata’ fil-qasir żjara li kien qed jagħmel fl-Istati Uniti.

Fl-aħħar sigħat żdiedet l-ispekulazzjoni li l-Gvern ta’ Truss jista’ jirtira xi miżuri għall-qtugħ fit-taxxa li kien ħabbar fil-mini-budget. Dan ukoll meta l-Prim Ministru qed tiffaċċja pressjoni akbar mill-partit tagħha biex ‘terġa’ taħsibha’ dwar il-pjani ekonomiċi, bis-sitwazzjoni għaliha qed tidher dejjem aktar diffiċli.

Min-naħa tiegħu. Sir Ed Davey, il-Kap tal-Partit Liberali Demokratiku fl-Oppożizzjoni, sejjaħ għal elezzjoni ġenerali oħra, b’reazzjoni għat-tkeċċija ta’ Kwarteng minn Ministru tal-Finanzi. Hu akkuża lill-Partit Konservattiv fil-Gvern dwar l-immaniġġjar diżastruż tal-ekonomija u insista biex Truss u l-kollegi Konservattivi jġorru responsabbiltà politika għad-diffikultajiet finanzjari li qed jiffaċċjaw il-miljuni tal-Britanniċi fil-preżent.