Futbol Sport

Ħamrun iwaqqgħu l-ewwel punti iżda jżommu l-ewwel post

(Ritratt: Joseph Galea)

Rowen Camilleri

BIRKIRKARA…………0

ĦAMRUN S……………..0

Birkirkara: G. Nava, O. Iorio (R. Scicluna 73’), E. Pepe, A. De Paixao (F. Falcone 63’), Y. Yankam, K. Zammit, C. Attard, E. Cabrera, S. Zibo, A. Coppola, K. Tulimieri (P. Mbong 68’)

Ħamrun S: H. Bonello, S. Borg, M. Guillaumier, E. Mashike (B. Ederson 81’), J. Soares (L. Montebello 76’), R. Prsa (V. De Freitas 81’), O. Bjelicic, J. Corbalan, J. Roberts, E. Marcelina, R. Camenzuli

Imwissija: Y. Yankam 10’, A. De Paixao 42’, I. Osvaldo 54’ (B), M. Guillaumier 41’, S. Borg 43’, R. Prsa 50’, R. Camenzuli 58’ (Ħ)

Referee: Matthew Degabriele

Assistenti Referees: Jurgen Spiteri u Mitchell Scerri

BOV Plejer tal-logħba: Simon Zibo (Birkirkara)

Il-Mument Plejer tal-logħba: Alex Da Paixao (Birkirkara)

F’partita missielta, fejn it-temperament tal-plejers f’ħinijiet minnhom laħaq livell għoli, Birkirkara u Ħamrun Spartans spiċċaw fi draw ta’ mingħajr gowls biex b’hekk għall-Istripes dan kien it-tieni draw konsekuttiv filwaqt li Ħamrun wara sitt rebħiet waqqgħu l-ewwel punti tal-istaġun.

Qabel il-bidu tal-logħba l-attakkant ta’ Ħamrun Spartans Luke Montebello preżenta bukkett fjuri lill-membru tas-supporters club ta’ Birkirkara bħala turija ta’ rispett lejn l-eks tim tiegħu.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet wara disa’ minuti b’Ħamrun ikunu sfortunati li ma fetħux l-iskor meta wara li Matthew Degabriele lagħab ir-regola tal-vantaġġ wara foul fuq Corbalan, kien Jonny li sab ruħu xxmaplat mal-linja u wara li daħal fil-kaxxa qassam lejn in-nofs fejn sab lil Elvis Mashike li ra l-konklużjoni tiegħu tkun maqlugħa minn fuq il-linja. Fis 17-il minuta Ħamrun reġgħu marru viċin meta minn azzjoni mibdija minn Matthew Guillaumier, dan qassam lejn Ryan Camenzuli u wara li avvanza minn barra l-kaxxa prova xutt mill-isbaħ li stampa mal-mimduda bid-difiża ttajjar il-periklu. Ħamrun baqgħu jkunu perikolużi fil-fażi offensiva u fid-39 minuta reġgħu fallew ċans tad-deheb meta Guillaumier daħal fil-kaxxa u minn quddiem Nava tefa’ barra. Din kienet l-aħħar azzjoni tal-ewwel taqsima biex iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu fi draw ta’ mingħajr gowls.

Tliet minuti mill-bidu tat-tieni taqsima u Birkirkara b’ċans tad-deheb. Kien kontrattakk ta’ Paixao li ħarab mal-linja bid-difiża ta’ Ħamrun maqbuda għal kollox u l-Brażiljan qassam lejn Cabrera li minn quddiem Bonello żbalja għal kollox il-kontroll bil-ballun jispiċċa f’idejn il-goalkeeper internazzjonali Malti. Fit-58 minuta free kick għal Birkirkara mogħti minn Iorio li tefa’ fil-kaxxa ż-żgħira fejn sab lil Cabrera li bir-ras impenja lil Bonello li kellu jdawwar f’korner. Fis-87 minuta s-sostitut Paul Mbong minn korner tefa’ kross insidjuż fil-kaxxa ż-żgħira iżda minn żewġ plejers ta’ Birkirkara u Bonello megħlub għal kollox ħadd ma ħa l-ballun u l-azzjoni sfaxxat fix-xejn. L-iskor sa tmiem il-partita baqa’ ma nfetaħx u ż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed.