Il-Ġimgħa filgħaxija l-Fonazzjoni Daphne Caruana Galizia ngħatat il-premju taċ-Ċittadin Ewropew mill-Membru Partlament Ewropew David Casa, li kien hu li nnomina lil din il-fondazzjoni għal dan il-premju.
Dan l-unur ingħata f’mument importanti eżatt wara l-verdett tal-Qorti lill-persuni li qatlu lil Daphne Caruana Galizia.
Fil-messaġġ tagħha l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li dawk li huma responsabbli ta’ dan l-att kriminali, għandhom iħabbtu wiċċhom mal-ġustizzja. Hija qalet li mhux aċċettabbli li għaddew ħames snin u għadha ma saritx ġustizzja b’mod sħiħ.
Roberta Metsola fakkret kif il-Parlament Ewropew iddedika l-unika sala li għandu fejn isiru l-konferenzi tal-aħbarijiet fi Strasburgu għad unur ta’ Daphne Caruana Galizia.
Hija saħqet li huwa meħtieġ li jkun hemm sistemi Ewropew kif ukoll nazzjonali sabiex dak li seħħ lil din il-ġurnalista ma jerġax iseħħ. Bil-Parlament qed jaħdem qatigħ biex ikun hemm direttiva Ewropea kontra kawżi slap bil-għan li l-ġurnalisti jkunu jistgħu jagħmlu xgħolhom mingħajr biża’.
Fid-diskors tiegħu, l-MEP Nazzjonalista David Casa qal li din il-Fondazzjoni twielder minħabba bżonn… bżonn biex tiġġieled għall-verità. Fejn l-ewwel ġlieda kienet li tinfetaħ inkjesta pubblika li huwa dritt garantit mil-liġi internazzjonali.
Huwa fakkar kif il-familja Caaruana Galizia kellha tiġġieled għal sentejn sħaħ biex tara li dan id-dritt jiġi rispettat. Fejn kellhom jgħaddu kwazi erba’ snin biex jinsta li f’Malta kien hawn klima ta’ impunita mill-ogħla livell tal-Istat.
David Casa qal li din il-fondazzjoni qed tkompli bil-ħidma tagħha biex ikun hemm trasparenza u kontabbilta fost l-istutuzzjonijiet governattivi. Dan filwaqt li ħarrġet lill-ġurnalisti u attivisti żgħażagħ u waqfet Ċentru Malta għall-ġurnaliżmu investigattiv biex tgħin lill-ġurnalisti f’xgħolhom.
L-MEP Nazzjonalista qal li l-ħidma ta’ Peter, Matthew, Andrew, Paul Caruana Galizia u t-tim kollu qed twassal għal aktar għarfien dwar il-midja f’Malta kif ukoll aktar riżorsi u għajnuniet lill-ġurnalisti Maltin.