Lokali

“Il-konsultazzjoni għandha twassal għal riforma sħiħa, mhux bil-biċċiet” – MRI

Fi stqarija, il-Media Reform Initiative qalet li tinnota b’sodisfazzjon li, wara l-pressjoni mill-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin, mill-Kunsill tal-Ewropa, diversi għaqdiet internazzjonali u aktar minn mitt editur, ġurnalist u attivist Malti, il-Prim Ministru aċċetta li jwaqqaf id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-abbozzi difettużi mressqa fuq il-libertà tal-espressjoni u l-media.

L-MRI jirringrazzja partikolarment lill-President u lis-Segretarju tal-IGM għax kienu l-uniċi membri tal-kumitat tal-Gvern li stqarru pubblikament li jekk ma jkunx hemm konsultazzjoni biex jiġu irranġati l-abbozzi tal-Gvern huma jirriżenjaw mill-istess kumitat.

L-istqarrija tisħaq fuq il-bżonn ta’ baġit u riżorsi umani. Dan hekk kif hija ħasra li l-Gvern m’aċċettax li tinħareġ White Paper jew li jorganizza l-konsultazzjoni hu stess iżda tefa’ r-responsabbilta tal-konsultazzjoni fuq il-kumitat maħtur minnu. Dan il-kumitat ma jistax jorganizza konsultazzjoni bis-serjetà jekk ma jingħatax mill-Gvern baġit u għajnuna ta’ riżorsi umani.

L-MRI tisħaq li l-abbozzi mressqa mill-Gvern lanqas biss jibdew biex jissolvew id-diversi problemi legali marbuta mal-ġurnaliżmu, il-konsultazzjoni pubblika trid tkun mifruxa ħafna. Għalhekk il-konsultazzjoni mhux biss għandha tinkludi individwi u organizzazjonijiet Maltin iżda anke organizzazjonijiet internazzjonali Ii għandhom persuni esperti f’dan is-suġġett. Diversi kienu offrew l-għajnuna tagħhom lill-Gvern, liema għajnuna, sfortunatament, ma kinitx milqugħa mill-Gvern.

L-istqarrija tkompli tgħid li din hija opportunità ta’ darba biex il-qafas legali f’dan il-qasam jilħaq livell internazzjonali sodisfaċenti. Ir-riforma ma għandiex issir bil-biċċa iżda għandha ssir b’mod ħolistiku u sħiħ. Peress li ħadd mill-kumitat tal-Gvern ma jaħdem full time fuq dan is-suġġett ikun għaqli li jkunu kkummissjunati esperti biex jgħinu fil-konsultazzjoni li għandha twassal għall-bidla radikali.