“Politiċi korrotti huma rifless tas-soċjeta.” Din kienet waħda mis-suġġetti li ġew diskussi s-Sibt filgħodu waqt seminar bl-isem “M’hemmx ġustizzja mingħajr integrita’” mtellgħa minn Repubblika u Fondazzjoni Falcone bħala parti mill-attivitajiet marbura mal-ħames anniversarju mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Għal dan is-seminar li sar fl-Universita l-Antika fil-Belt Valletta kienu mistiedna akkademiċi, ġurnalisti u professjonisti oħra esperti fis-suġġett.
Alessandro De Lisi, mill-Fondazzjoni Falcone fid-diskors tiegħu qal li l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa simbolu ta’ rinaxximent kulturali, mhux f’Malta biss iżda madwar id-dinja. Qal li wara dak li kien zvelat il-Ġimgħa fil-Qorti… dan kien biss il-bidu hekk kif il-ġustizzja għadha ma saritx.
L-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi fid-diskors tiegħu, spikka l-bżonn ta’ persuni integri li jerġgħu jiddefendu l-interessi ta’ dan il-pajjiż, kif għamlu fl-imgħoddi, meta pajjiżna kien għaddej minn mumenti diffċli fl-istorja.
Lawrence Gonzi aċċenna li bħalma Giovanni Falcone u Paolo Borsellino ċaqalqu s-soċjeta Taljana, hekk ukoll Daphne Caruana Galizia ċaqalqet is-soċjeta Maltija. Saħaq li dan l-assassinju premeditat, intenzjonat u maħsub fetaħ l-opportunita li wieħed jirrikonoxxi li dan il-pajjiż, minkejja li għandu ħafna tajjeb, għandu wkoll ħafna problemi li jridu jiġu solvuti.
Min-naħa tiegħu l-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina tkellem dwar il-bżonn li jkun hemm investiment fis-sistema edukattiva ta’ pajjiżna fejn l-integrita ssir parti mill-edukazzjoni tal-istudenti. Huwa żied jgħid li tajjeb ta’ min jinnota li kull pajjiż jagħmel ċelebrazzjoni tal-eroj tiegħu, iżda hawn Malta din ma ssirx. Huwa saħaq li f’Malta għandna stat assenti għal kollox minn kull attivita marbuta mal-ħames snin anniversarju mill-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia.
Robert Aquilina żied jgħid li l-integrita titlob loġika u konsistenza u allura rridu nieħdu azzjoni. Saħaq li mhux biżżejjed li l-poplu jagħmel dak kollu li jista’ iżda għandu jsir dak kollu li hemm bżonn. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia min-naħa tagħhom tkellmu dwar l-importanza li jkun hemm ħafna perseveranza fejn id-dover tal-poplu huwa li jiżra’ żerriegħa tajba li mbagħad l-frott ikun maqtugħ mill-ġenerazzjonijiet futuri.
//= $special ?>