Lokali Temp

It-temp f’Settembru mżewwaq f’kull aspett

Xemx ta’ Settembru tiftaħ il-bibien tar-rixtellu. Qawl Malti li jindika li Settembru bosta drabi huwa xahar li ħafna drabi l-elementi tat-temp fi ħdanu jagħmlu tajjeb għall-biedja…. Din is-sena infatti Settembru kien ħarira aktar sħun, iżda kien jikkonsisti f’aktar riħ, filwaqt li kellu aktar xita. Xahar li kellu ftit minn kollox.  

Dan ħabbru l-Uffiċċju Meterjoloġiku fl-Ajruport Internazzjoni ta’ Malta dan hekk kif Settembru ta’ din is-sena kien aktar bix-xita minn dawk ta’ żminijiet ta’ qabel.

Ix-xahar li għadda wassal għall-ewwel ħalbiet tax-xita tas-sena l-ġdida tax-xita tal-Uffiċċju Meterjoloġiku, b’59.8mm ta’ xita mkejla f’Ħal Luqa.

Dan it-total kien kemxejn ogħla min-norma tal-klima rrekordjata bejn l-1991 u l-2020 ta’ 59.2mm u nġabar fuq medda ta’ jumejn fit-22 u t-23 ta’ Settembru.

Ix-xahar kellu wkoll 3 ijiem b’maltempati bir-ragħad filwaqt li jumejn oħra li kienu kważi dejjem bix-xita.

Akkost il-maltemp u x-xita, Settembru iżda kien aktar sħun mill-medja, bit-temperatura massima medja tax-xahar ta’ 29.5°C taqbeż in-norma b’0.9°C u t-temperatura minima medja taqbeż in-norma ta’ 21.2°C b’1.5°C.

Filwaqt li l-ogħla temperatura rreġistrata kienet dik ta’ 32.6°C, l-anqas temperatura kienet dik ta’ 17°C.