Ekonomija Lokali

Jeħtieg isir investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda – PN

Biex il-ħaddiema u l-professjonisti jgħixu ħajja ta’ kwalità aħjar mil-lat finanzjarju, jeħtieġ illi jsir investiment f’niċeċ ekonomiċi ġodda. B’dan il-mod mhux biss noħolqu x-xogħol, imma noħolqu xogħol ta’ kwalità aħjar, value added u b’pagi li jrendu. B’hekk bosta ħaddiema jimxu ‘l quddiem u tiżdied il-mobbiltà soċjali f’pajjizna. 

Jerome Caruana Cilia, il-kelliem tal-Finanzi, u Ivan J. Bartolo il-kelliem għall-Ekonomija qalu dan permezz ta’ stqarrija fejn il-PN tenna li dan rajnih fil-passat, deċiżjonijiet għaqlin, meta nħolqu setturi varji: is-settur tas-servizzi finanzjarji, il-gaming, il-marittimu, l-avjazzjoni u l-farmaċewtika fost oħrajn. Dawn kollha jħaddmu magħhom eluf ta’ ħaddiema u professjonisti. Biex iddaħħal kull qasam kien hemm proċess. Proċess li ħa snin sħaħ. Kien hemm viżjoni ekonomika ċara. Dan wassal għall-ekonomija b’saħħitha, diversifikata u waħda reżiljenti. Din il-viżjoni ekonomika flimkien mal-bżulija tal-ħaddiema u l-professjonisti, u l-kuraġġ u l-għaqal tal-imprendituri Maltin u Għawdxin, wasslet biex pajjiżna seta’ jikkumbatti kriżijiet varji. Il-Gvern ma jistax jaqta’ qalbu li joħloq setturi ekonomiċi ġodda fl-ekonomija tagħna. 

Il-ġimgħa d-dieħla l-Partit Nazzjonalista se jniedi d-dokument ta’ qabel il-budget wara diskussjoni u sens ta’ djalogu ġenwin mal-korpi kostitwiti, għaqdiet u s-soċjetà ċivili. Fost oħrajn se jressaq diversi punti għad-diskussjoni dwar kif inti jkollok il-kwalità tal-ħajja li tixraqlek. Kwalità ta’ ħajja aħjar.