“Kull investiment li jsir f’dawn l-għodod għat-tisħiħ tal-familja f’pajjiżna hu investiment uman, jiġifieri fin-nies, ġenituri u wliedna għal u tul il-ħajja,”temm id-diskors tiegħu l-Ispeaker Anġlu Farrugia waqt li kien qed jindirizza seduta speċjali ġewwa l-Parlament, fejn saħaq fuq l-importanza li s-soċjetà u l-familja Maltija jibqgħu msejsa fuq prinċipji u valuri għonja u umani.
Hu kien qed jitkellem fil-ftuħ uffiċjali tal-wirja ta’ tpinġijiet tat-tfal ‘Il-Familja f’għajnejn it-Tfal’, imtella’ b’kollaborazzjoni mal-Kumitat Positive Parenting and Strengthening of the Family, fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal.
L-Ispeaker jirrikonoxxi li għalkemm ħafna familji Maltin u Għawdxin huma b’saħħithom, ma jfissirx li mhemmx diffikultajiet. Hu qal li dawn id-diffikultajiet huma sfidi għalina, bl-awtoritajiet jagħmlu tajjeb li jieħdu l-miżuri adegwati biex jindirizzaw tali sitwazzjonijiet.
L-Ispeaker kompla billi qal li l-familja hija l-ambjent ideali għat-trobbija tal-ulied għall-ħajja, fejn is-sehem tal-ġenituri fit-trobbija tal-ulied huwa importanti ħafna. Huwa tenna li r-responsabbiltà tal-ġenituri għat-trobbija tal-ulied m’għandhiex biss titqies obbligu tagħhom lejn it-tfal, iżda wkoll lejn is-soċjetà u pajjiżhom.
Fl-indirizz tiegħu l-Ispeaker kompla billi ħeġġeġ lill-awtoritajiet sabiex jibqgħu jippersistu f’ħidma favur il-familja bħala l-post ta’ trobbija tajba tal-ulied min-nieqa għall-ħajja, filwaqt li għandhom jissieħbu mal-akkademiku u esperti oħrajn biex jagħrfu l-iżviluppi soċjali tul iż-żmien. L-awtoritajiet għandhom jirfinaw l-għodod u servizzi eżistenti biex jilqgħu għal sfidi ġodda, b’hekk jantiċipaw permezz ta’ programmi edukattivi, ta’ prevenzjoni u anke jdewwu l-weġgħat, konsegwenza ta’ mġiba ħażina u serja fil-familja.
L-Ispeaker faħħar lil dawk kollha li qed jaħdmu fil-qasam soċjali f’pajjiżna u tenna li kull investiment li jsir biex tissaħħaħ il-familja għandu jitqies bħala investiment uman, fin-nies, tul il-ħajja.
F’din l-okkażjoni taw is-sehem tagħhom Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, David Agius, Deputat Speaker u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Politika Soċjali, is-Sinjura Ruth Sciberras, Chairperson tal-Kumitat Positive Parenting and Strengthening of the Family, u s-Sur Kandon Fenech, rappreżentant tat-tfal li ħadu sehem fil-wirja ta’ tpinġijiet ‘Il-Familja f’għajnejn it-Tfal’.



