Internazzjonali

Mal-40 persuna mejta fi splużjoni fit-Turkija

Splużjoni f’mina tal-faħam fil-belt ta’ Amasra, fit-tramuntana tat-Turkija ħasdet il-ħajja ta’ minn tal-anqas 40 persuna, b’għexieren ta’ ħaddiema għadhom maqbuda taħt it-tifrik. 

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6.45 tal-Ġimgħa filgħaxija, bil-Ministru tal-Intern Tork, Suleyman Soylu, jikkonferma li l-ħaddiema tas-salvataġġ s’issa salvaw mas-60 persuna, b’ħafna minn dawk li salvaw, skont is-Sindku ta’ Amasra, Recai Cakir ġarrbu ġrieħi serji,.

Hu mifhum li ’l fuq minn 100 persuna kienu fil-mina fil-ħin tal-isplużjoni, b’aktar minn nofshom kienu qed jaħdmu f’fond ta’ aktar minn 300 metru.

Il-ħaddiema ta’ salvataġġ baqgħu jħaffru fil-blat matul il-lejl sabiex isalvaw il-ħaddiema tal-faħam maqbuda, b’filmati mis-sit juru ħaddiema tal-faħam ħerġin suwed faħma b’għajnejhom imċajprin akkumpanjati mill-paramediċi u l-ħaddiema ta’ salvataġġ.

Iil-kawża tal-isplużjoni f’din il-mina tal-kumpanija tal-istat Turkish Hard-Coal Enterprises għadha mhix magħrufa, hekk kif l-investigazzjonijiet tal-uffiċċju tal-prosekutur ta’ Amasra għadhom għaddejjin.

Il-Ministru tal-Enerġija Tork qal li l-ewwel indikazzjonijiet juru li l-isplużjoni seħħet minħabba  firedamp, li huwa gass infjammabbli bla lewn u bla riħa li jifforma f’taħlita ta’ splussiv f’mina tal-faħam.

Huwa kkonferma li għalkemm parti mill-mina ċediet, ma kienx hemm aktar nirien u li s-sistema ta’ ventilazzjoni kienet qed taħdem b’mod normali.

Il-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, kellu jħassar żjara pjanata bil-belt ta’ Diyarbakir, fix-xlokk tat-Turkija, biex iżur lis-sit tat-traġedja matul il-ġurnata tas-Sibt, bil-qraba u l-ħbieb ta’ dawk rrapurtati nieqsa ntlemħu fis-sit tat-traġedja jistennew anzjużi għal xi aħbar fuq l-għeżież tagħhom. Din mhix l-ewwel traġedja tax-xorta tagħha f’dan il-pajjiż hekk kif fl-2014, aktar minn 300 persuna mietu fi splużjoni f’mina tal-faħam fil-belt ta’ Soma, fil-punent tal-pajjiż.