Is-Sibt filgħodu, l-eżorċista, Patri Elija Vella, mill-Ordni Franġiskan Konventwali ngħata l-aħħar tislima f’raħal twelidu, San Pawl il-Baħar, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Marija Addolorata, parroċċa li tagħha serva bħala Kappillan.
Kmieni filgħodu, l-patrijiet inġabru għal mument ta’ talb mal-komunità parrokkjali ta’ San Pawl il-Baħar fil-Kappella tal-Kurċifiss fejn il-katavru tas-saċerdot ta’ 81 sena kien espost biex għall-ħabta tad-9.30, saret quddiesa presente cadavere ċċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna flimkien ma’ għadd kbir ta’ saċerdoti, fosthom mill-Fraternità Franġiskana Konventwali.
Fl-omelija tiegħu, il-Provinċjal tal-Ordni, Patri Colin Sammut, stqarr li filwaqt li dan huwa mument ta’ niket, huwa mument ta’ ferħ għaliex f’ħajjet kull min kien preżenti, huma ltaqgħu ma’ bniedem li f’ħajtu kien kapaċi jifhem x’inhi l-umanità
Għalkemm għamel ċelebrazzjonijiet kbar f’Malta, madwar id-dinja u b’hekk kellu biex jitkabbar, il-Provinċjal stqarr kif Patri Elija dejjem qagħad pass lura għax fehem il-kobor t’Alla meta Alla sejjaħlu għal ħajja Franġiskana u tas-saċerdozju ministerjali.:
Fis-sempliċità tiegħu, Patri Colin Sammut fakkar kif Patri Elija kien umli u kien jagħraf iħaddem il-lingwa tal-umanità permezz tad-donn tal-ilsna li kien jaf jitkellem, fosthom il-Malti, it-Taljan u l-Ingliż.
Xhieda ta’ kemm Patri Elija għamel tant ġid u kien maħbub kienet il-miġemgħa kbira ta’ nies, fosthom tal-Viċi Kap tal-Partit Nazzzjonalista Alex Perici Calscione, Deputati u kunsilliera, li ħonqu kull rokna tal-Knisja u z-zuntier biex wara l-funeral, it-tebut ntrefa’ mill-Patrijiet Franġiskani Konventwali fost l-oħrajn biex sar korteo funebri bis-sehem tal-Banda San Pawl tal-istess raħal lejn iċ-Ċimiterju tal-Parroċċa bies saret id-difna.
Vella kien magħruf kemm lokalment kif ukoll lil hinn minn xtutna għal priedki tiegħu fejn kemm-il darba kien mistieden minn diversi Isqfijiet biex jindirizza diversi konferenzi barra minn Malta bħala espert fl-okkult, l-ispiritiżmu u s-sataniżmu, bil-Kap tal-PN Bernard Grech jgħid li Patri Elija għamel ħafna ġid man-nies, “u ta’ dan nibqgħu grati”.
Huwa kien ukoll meqjus bħala counsellor eċċellenti u kien imexxi sigħat twal ta’ talb f’dawk magħrufa bħala healing masses.
//= $special ?>