Lokali

“Xi darba toħroġ il-verità kollha” – l-aħwa Degiorgio

“Xi darba toħroġ il-verità kollha.. jiddispjaċini immens ta’ dak li għamiltilha, però issa wasal il-mument li tkunu tafu kollox dwar min kien involut magħna.”

Dawn kienu l-kliem li lissnu l-aħwa Degiorgio ftit wara li ammettaw li kienu huma li qatlu lil Daphne Caruana Galizia. Huma kienu qed jindirizzaw lill-familja ta’ Caruana Galizia kif ukoll lill-Avukati li kienu qed jirrapreżentawhom f’dan il-każ.

F’mument minnhom Alfred Degiorgio qam minn fuq il-wheelchair u indirizza lill-Avukat Jason Azzopardi u lir-raġel ta’ Daphne, Peter Caruana Galizia… kien hawn fejn qalilhom li wasal il-mument li jkunu jafu kollox dwar kulħadd… dwar min kien involut magħhom. F’dan il-ħin fl-awla kien hemm kommossjoni sħiħa b’numru ta’ persuni bdew jgħajtu li l-aħwa Degiorgio ma setgħux ikellmu lill-qraba ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għall-ħabta tas-sebgħa tal-Ġimgħa filgħaxija, iż-żewġt aħwa ittieħdu taħt sigurta strett lejn il-Faċilita Korrettiva ta’ Kordin biex jiskontaw l-erbgħin sena priġunerija kull wieħed wara li ammettaw il-ħtija għal sitt każi ta’ akkużi fosthom ta’ omiċidju, il-kawża tal-ispluzjoni li waslet għall-qtil, il-pussess ta’ splussivi u l-konfoffa bil-ħsieb li jitwettaq il-qtil. Apparti dan huma jridu wkoll iħallsu l-ammont ta’ €42.930 kull wieħed

B’rabta ma’ dan il-każ ta’ omiċidju, hemm tliet persuni oħra li għadhom iridu jgħaddu ġuri. Dawn huma n-negozjant Yorgen Fenech, kif ukoll Robert Agius u Jamie Vella li jinsabu akkużati li kienu huma li provdew il-bomba li qatlet lil Daphne Caruana Galizia.

Lura fi Frar tal-2021, Vince Muscat, il-Koħħu, kien ammetta kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista qabel għadda ġuri u kien ikkundannat piena ta’ 15-il sena wara li huwa kien għen lill-Pulizija fl-investigazzjoni tal-qtil ta’ Caruana Galizia. Apparti dan, Muscat kien ta informazzjoni utli biex jissolva l-każ tal-Avukat Carmel Chircop li kien intqatel lura fl-2015.

Il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia nqatlet brutalment f’karozza bomba quddiem ir-residenza tagħha fil-Bidnja ħames snin ilu fis-16 ta’ Ottubru, tal-2017…spluzzjoni li heżżet mhux biss lil pajjiżna izda wkoll lid-dinja.