Lokali

Abela b’diskors surreali dwar il-ġustizzja effettiva taħt Gvern tal-Labour

Ebda kelma mlissna dwar kif effettivament se jkun qiegħed itejjeb il-kwalità tal-ħajja b’mod fattibbli tal-Maltin u Għawdxin.

F’attività politika f’Ħaż-Żebbuġ, il-Prim Ministru Robert Abela wassal diskors ta’ kuraġġ għal dak li qed iħabbtu wiċċhom miegħu l-familji iżda soluzzjonijiet konkreti ma lissinx.

Dan hekk kif iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin ċertament li mhux se jieklu bid-diskorsi miktuba biss. Preżentament il-familji qed iħabbtu wiċċhom ma’ prezzijiet li ta’ kull ġimgħa qed jiżdiedu, inkluż affarijiet essenzjali – bl-għoli tal-ħajja qed tiġi deskritta bħala waħda ta’ sfida kbira.

Dan filwaqt li l-Gvern tal-Labour ma jridx irodd lura l-flus li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl għajr minn Jannar ta’ din is-sena….bil-maġġoranza se jieħdu lura bejn ix-xejn u €8 f’rifużjoni.

Dan kollu bil-livell ta’ kwalità tal-ħajja kull ma jmur jonqos…b’ħaddiema jaħdmu minn full-time għal part-time ‘il bogħod minn uliedhom…u bi traffiku mingħajr kontroll.

Iżda ebda kelma mlissna mill-Prim Ministru Robert Abela, għajr li jgħid li l-inċertezza qalb l-imsieħba soċjali..f’pajjiżna ma tezistix.

Robert Abela insista dwar l-importanza tal-Edukazzjoni…ironikament wara li Gvern immexxi minnu qaċċat miljun ewro mill-baġit dedikat għall-Università ta’ Malta.

Dan filwaqt li bejn attakk partiġġjan wara l-ieħor, hekk kif illum jaħbat 5 snin mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Abela insista li vera li huwa episodju ikrah, iżda insista li ma jissimbolizza xejn dak li jemmen fih dan il-pajjiż u insista li l-Gvern qed jagħmel minn kollox sabiex issir ġustizzja…stqarrija deskritta minn diversi bħala surreali meta wieħed jara l-attitudni tal-istess Gvern fl-aħħar snin.

5 snin wara, l-poplu għadu qed jistenna…mhux biss li ssir ġustizzja sħiħa ma’ Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha…iżda ġustizzja bi sħiħ ma kull skandlu li seħħ fl-aħħar snin – bl-esperti fil-qasam jgħidu li tali attitudni ta’ silenzju minn min imexxi qiegħed jerġa’ jitfa’ f’riskju ġurnalisti bħal Daphne li għal darb’oħra jħallsu b’ħajjithom.