Lokali

Daphne Caruana Galizia – 5 snin wara. X’inbidel?

5 snin ilu lkoll kemm aħna spiċċajna mwaħħlin b’attenzjoni massima nsegwu online, naraw it-televiżjoni, nisimgħu r-radju…xxokkjati nisimgħu b’assassinju makabru li ħeżżeż is-sisien ta’ pajjiżna.

L-ewwel informazzjoni li daħlet kienet fil-Mosta…li bdiet tinbidel f’qasir żmien għal waħda fil-Bidnija…karozza bomba, li fiha kien hemm mara.

Daphne Caruana Galizia, bint, omm, oħt, ħabiba, kollega, ċittadina Maltija li kienet lesta twettaq kollox akkost li tinkixef il-verità – sabiex tħalli pajjiż aħjar.

Fil-verità l-ebda diskors ma jista’ jiddeskrivi dak li pajjiżna verament għadda minnu f’dak il-jum tas-16 ta’ Ottubru, 2017.

Iżda fl-aħħar mill-aħħar irridu nistaqsu lilna nfusna jekk bħala pajjiż tgħallimnix xi ħaġa wara li ġurnalista li kienet tirċievi attakki sistematiċi wieħed wara l-ieħor..inqatlet brutalment għax kienet tagħmel xogħolha.

L-ewwel istint jgħidlek li l-impatt li ħalliet warajha mewtha huwa xokk..isegwi eżami tal-kuxjenza u sussegwentament tibdil bil-mod il-mod fil-mentalità.

Minkejja dak kollu li ġara madanakollu nazzarda ngħid li bħala pajjiż, sfortunatament, għadna fejn konna 5 snin ilu. Nattakkaw lil dawk li lesti jikxfu l-verità – nattakkawhom ma jmurx il-baqra li qed naħilbu minnha nitilfuha.

Nattakkaw għax ma nafux mod ieħor, għax mingħalina li għandna dritt sagrosant li nagħmlu hekk għax ma jħadnux il-fidi tat-tim tagħna akkost ta’ kollox.

Nattakkaw għaliex dawk li jirrappreżentawna jaħbu l-verità minnha…u dawk li l-unika armi tagħhom huma pinna u laptop lesti jikxfuha kollha kemm hi.

Fis-snin l-imgħoddija konna nitkażaw bil-ġirien tagħna t-Taljani għax kienu jħdanu l-omertà – kodiċi ta’ silenzju rigward attività kriminali. Taraw similitudni?

Din sfortunatament qed tkun karatteristika ewlenija mhux biss għaċ-ċittadin komuni, iżda anke aktar ma titla’ ‘l fuq fl-iskaluni tas-soċjetà.

5 snin ilu nqatlet ġurnalista u għadek issib min jgħid li sewwa ġralha, jew li kienet qed tistaqsi għaliha – nies, ġeneralment ħaddiema mal-Gvern, sistematikament jikkumentaw fuq il-posts ta’ Facebook jattakkaw, jiddubitaw, jirredikolaw lil min irid jixħet kemmxejn dawl fuq il-verità…sabiex wara das-snin kollha tinkixef kollha kemm hi.

Għal kuntrarju ta’ dak li seħħ barra minn Malta, jiġifieri li persuni li kienu jagħmlu b’tant integrità ħalsuh qares b’ħajjithom issa huma simboli…f’pajjiżna hawn min irid inessi dak li seħħ, nixħtuh taħt it-tapit – issib min saħansitra għadu jattakka lil Daphne Caruana Galizia anke wara mewtha.

Il-fatt li nhar il-Ġimgħa l-eżekuturi ġew kkundannati l-ħabs hija aħbar tajba, minkejja li damet kemmxejn ma’ ġiet. Iżda qabel ma kull min kellu x’jaqsam ma’ dan l-assassinju jieħu li ħaqqu – pajjiżna m’għandu qatt jistrieħ.

Kull min kellu subajgħ mdeffes fl-ordni tal-qtil, min ħeba l-verità u xekkel l-investigazzjonijiet għandu jieħu dak li ħaqqu.

Hekk biss is-soċjetà tagħna tista’ verament tibda tirriforma ruħha.