Lokali

“Daphne llum ħajja f’kull wieħed u waħda minna” – Roberta Metsola

Daphne llum hi ħajja f’kull wieħed u waħda minna. Illum aħna leħen Daphne.

Dan ipoġġi fuq kull wieħed u waħda minna responsabbiltà kbira. Aħna responsabbli li naħdmu biex il-valuri li stinkat għalihom hi, nistinkaw għalihom aħna. Din hi wkoll responsabbiltà tal-Istat Malti.

Kliem il-President tal-Parlament Roberta Metsola hekk kif ilbieraħ indirizzat il-folla ta’ quddiemha fl-attività ta’ Repubblika u Occupy Justice f’għeluq il-ħames anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hi qalet li matul ħajjitha, fl-istejjer investigattivi li ħadmet dwarhom, Daphne Caruana Galizia mxiet bi prinċipju wieħed: dejjem tagħmel dak li għandha dmir tagħmel. Mhux li jaqblilha. Mhux li hu komdu. Mhux li hu popolari. Iżda dak li hu tajjeb. Dak li hu xieraq.

“Ta’ dan għajruha. Żebilħuha. Iddemonizzawha. Heddew lilha u lill-familja. Minkejja kollox Daphne Caruana Galizia qatt ma ħarset lura. Baqgħet miexja ’l quddiem. Fl-aħħar iddeċidew li jistgħu jsikktuha billi jisploduha. Qatluha b’mod l-aktar barbaru. Bl-aktar mod brutali. Qatluha kważi quddiem binha.

”Ħasbu li b’hekk se jsikktuha. Kellhom żball. Jekk f’ħajjitha ċaqalqet ħafna affarijiet, f’mewtha għamlet terremot li heżżeż lill-pajjiż. Terremot li nfirex ’il bogħod minn xtutna.”

Roberta Metsola qalet li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE, għaqdiet internazzjonali u f’pajjiżna … lista ma tispiċċa qatt li mhux biss tawha ġieħ, iżda komplew l-investigazzjonijiet li bdiet hi.

F’ħajjitha, kompliet Roberta Metsola, Daphne kienet mara waħedha, b’laptop f’idejha. U li bih kienet twassal leħinha. Meta qatluha ma baqgħetx waħedha. Meta assassinawha leħinha mhux issikket iżda beda jinstema’ aktar. U mhux Malta biss, imma mad-dinja kollha.

Daphne llum hija ħajja f’kull wieħed u waħda minna. Illum aħna leħen Daphne.

Dan ipoġġi fuq kull wieħed u waħda minna responsabbiltà kbira. Aħna responsabbli li naħdmu biex il-valuri li stinkat għalihom hi, nistinkaw għalihom aħna. Din hi wkoll responsabbiltà tal-Istat Malti.

Il-President tal-Parlament Ewropew qalet li fadal ħafna x’jinkiseb biex isaltnu tassew is-sewwa, il-verità u l-ġustizzja.  “Iżda r-rieda tagħna hija soda. Jieħu kemm jieħu żmien.”

Roberta Metsola temmet id-diskors tagħha b’messaġġ ta’ kuraġġ: “Nifs għandna … determinazzjoni għandna … kawża ġusta għandna. Allura quddiem dan kollu kif nistgħu ma nirbħux? Ir-rebħa tasal żgur … għal Daphne, għalina u għal Malta li tant inħobbu.”