“Daphne kienet temmen dak li tikteb u bil-kitba tagħha kienet tagħmel servizz għall-poplu Malti u Għawdxi.”
Dan kien il-messaġġ tal-membru parlamentari ewropew Nazzjonalista David Casa u d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg waqt attivita politika fil-Mosta l-Ħadd filgħodu.
L-MEP David Casa qal li ħames snin ilu Daphne nqatlet għaliex l-ogħla nies fl-istituzzjoni ta’ pajjiżna kienu qed jisirquna u hi saret taf il-verita’ kollha. Huwa saħaq li Daphne mietet għalina lkoll.
David Casa tenna li wara ħames snin dawk in-nies li kixfet Daphne għadhom jiġru mas-saqajn. Il-poplu għandu bżonn rappreżentanti li jipproteġu l-poplu u mhux jisirquhom. Huwa saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled għal ġustizzja sħiħa għaliex il-kapitlu mhuwiex magħluq wara dak li ġara l-Ġimgħa li għadda fil-Qorti.

Minn naħa tagħha d-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li illum huwa jum ta’ rabja u mhux wieħed ta’ dieqa.
Hija tenniet li l-Gvern jaħseb li wara dak li ġara l-Qorti l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia huwa kapitlu magħluq iżda dan huwa żball kbir.
Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled sakemm jinkixef kollox u jkun hawn il-protezzjoni meħtieġa għall-ġurnalisti. Hija tkellmet dwar l-emendi li ressqu wara li l-Gvern ressaq liġijiet ġodda mingħajr konsultazzjoni pubblika.
Hija qalet li l-konsultazzjoni pubblika qed issir għaliex il-Gvern irid jimponi liġijiet ġodda li se joħolqu restrizzjonijiet ġodda sabiex jagħlaq ħalq il-ġurnalisti. Il-ġurnaliżmu investigattiv għandu d-dover li jikxef dak li hu moħbi bħalma kienet tagħmel Daphne.
Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jieħu azzjoni sabiex dan is-settur jkollu dak kollu meħtieġ sabiex ikun jista’ jesprimi ruħu b’mod liberu.
