Lokali

Fl-istess ħin, fl-istess post – ħames snin wara

F’okkażżjoni tal-5 sena mill-assassinju makabru tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia l-għaqdiet ta’ Repubblika u Occupy Justice organizzaw laqgħa silenzjuża sabiex ifakkru l-mewtha ta’ omm, bint, oħt, ħabiba u kollega li nqatlet għaliex kienet twettaq il-ħidma tagħha b’integrita.

Il-laqgħa bdiet fit-3 ta’ waranofsinhar fil-Bidnija…il-ħin li fih ħajjet Daphne Caruana Galizia nħatfet u l-pajjiż itheżżeż.

Bosta kienu dawk li nġabru fl-għalqa li fiha l-karozza tal-ġurnalista waqfet maħkuma għal kollox minn nirien.

Fost dawk li attendew din il-laqgħa silenzjuża kien hemm il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola flimkien ukoll mal-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa. Kien hemm ukoll fost oħrajn is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino u d-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.

Jattendi wkoll kien hemm l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kif ukoll Maria Falcone, oħt il-Maġistrat Taljan Giovanni Falcone li nqatel fl-1992 minn karozza bomba mqiegħda mill-Mafia ta’ Cosa Nostra.