Internazzjonali

Iċ-Ċina: Xi Jinping jinsisti dwar ‘zero Covid’…bil-politika dwar it-Tajwan tibqa’ l-istess

Il-President taċ-Ċina, Xi Jinping, mhux se jillaxka r-regoli riġidi bħala parti minn politika biex ma jkun hemmx imqar każ wieħed tal-Covid-19 f’artu. Hu qal dan meta d-delegati għall-Kungress tal-Partit Komunista f’Beijing qed iħejju biex jagħtu tielet mandat rekord lil Xi bħala Kap tal-partit fil-Gvern.

Xi Jinping iddefenda din il-politika bħala ‘gwerra tal-poplu biex iwaqqfu l-fixra tal-virus’ u minkejja li l-poplu jinsab imxabba bil-lockdowns u r-restrizzjonijiet għall-ivvjaġġar, Intant, il-belt ta’ Beijing tinsab taħt sigurtà stretta wara li, jiem ilu, saret protesta pubblika rari u drammatika fil-kapitali.

Il-President Ċiniż, waqt il-ftuh tal-Kungress, anki indirizza l-kwistjoni tat-Tajwan li ċ-Ċina tqisu bħala parti mit-territorju tagħha. Hu qal li Beijing mhu se jwarrab qatt l-għażla tal-forza fil-konfront tat-Tajwan u li l-Gvern tiegħu, ‘xi darba jew oħra’, beħsiebu jirrealizza r-reunifikazzjoni sħiħa tal-pajjiż

Rigward Hong Kong hu tenna li l-Gvern komunista f’Beijing kien‘dawwar is-sitwazzjoni hemmhekk minn waħda kaotika għal sistema ta’ governanza effettiva’. Dan wara li Beijing kien implimenta liġi tas-sigurtà stretta għal Hong Kong wara d-dimostrazzjonijiet tal-2019 favur id-demokrazija.