Lokali

“Il-kuraġġ jgħaqqadna f’familja kbira Ewropea” – Maria Falcone

F’dawn is-snin li għaddew minn meta seħħ il-qtil ta’ Giovanni Falcone u Paolo Borsellino, jiena ltqajt u tkellimt ma’ eluf ta’ studenti f’mijiet ta’ skejjel. Lill-istudenti ma nkellimhomx fuq il-mewt u fuq il-biża’, imma fuq il-ħajja, fuq l-impenn favur il-korrettezza u l-ġid komuni. Il-kuraġġ li jgħaqqad fil-familja kbira Ewropea lil kull min jissielet favur il-verità, il-ġustizzja u l-kultura tas-solidarjetà.

Hekk qalet Maria Falcone, oħt il-Maġistrat maqtul mill-Mafja Giovanni Falcone u President tal-Fondazzjoni Falcone meta lbieraħ kienet waħda mill-kelliema fit-tifkira li saret fil-Belt Valletta mill-għaqda Repubblika f’għeluq il-ħames anniversarju mill-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Hi qalet li l-ħajjiet ta’ Giovanni Falcone, Paolo Borsellino u Daphne Caruana Galizia kienu mimlija kuraġġ u kien proprju permezz ta’ dan il-kuraġġ li fl-Italja, wara tletin sena mill-istraġi tal-Mafja, ħafna affarijiet inbidlu wara li l-pajjiż kien profondament interrogat fuq ir-relazzjoni li l-mafja kellha u għad għandha ma’ wħud mill-protagonisti tas-soċjetà flimkien mal-kundanna ċivili għall-kriminalità fil-perjodu ta’ wġigħ u niket fis-snin tmenin u disgħin tas-seklu l-ieħor.

Imma dan qatt mhu biżżejjed, sostniet Maria Falcone. Il-memorja u l-impenn tagħna jridu jibqgħu hemm.

“Jiena nikkonsidra, għalhekk, lil Daphne, bħala oħt morali, imwaħħda fil-kuraġġ u fl-istess rieda professjonali u umana li kellhom Giovanni Falcone u miegħu Paolo Borsellino,” temmet id-diskors tagħha Maria Falcone.