Il-Ministru ġdid tal-Finanzi, Jeremy Hunt, qal li l-Gvern – filwaqt li qed jikkonfronta l-problemi ekonomiċi– mhux beħsiebu jirritorna għal-livell tal-awsterità ta’ wara l-2010. Madankollu, Hunt għamilha ċara li d-Dipartimenti tal-Gvern bilfors iridu jsiru ħafna aktar effiċjenti milli fil-preżent.
Sadanittant, Hunt – is-suċċessur tal-eks Ministru tal-Finanzi Kwasi Kwarteng – qed jikkunsidra kollox fl-impenn lejn ir-reviżjoni tat-taxxa u l-infiq pubbliku.
Dan ukoll meta l-Prim Ministru tar-Renju Unit, Liz Truss, qed tipprova tikkonsolida l-appoġġ fost id-deputati tal-Partit Konservattiv fil-Gvern wara l-kritika għall-mini-budget li hi preżentat fit-23 ta’ Settembru.
Il-Gvern ta’ Truss qed ikun anki kritikat talli naqas milli jindirizza l-problemi għall-ekonomija, bil-Prim Ministru tammetti li l-pjani li kellha għall-qtugħ fit-taxxa ‘marru ħafna ‘il hinn milli s-swieq kienu qed jistennew’.
Għalkemm kienet hi keċċiet lil Kwasi Kwarteng minn Ministru tal-Finanzi, Liz Truss qalet li ‘kienet daqqa ta’ ħarta għaliha’ li kellha tara t-tmiem fil-Kabinett ta’ dan il-kollega u alleat antik tagħha.
Intant, hi faħħret lil Jeremy Hunt bħala politiku b’esperjenza kbira li diġà kellu diversi rwoli amministrattivi. Liz Truss kompliet li hu jaqsam l-idea politika tagħha lejn l-iżvilupp ta’ ekonomija flessibbli, bil-kapaċità li tikber malajr u li ma timponix piż kbir tat-taxxa fuq il-poplu.
Intant, Liz Truss u Hunt qed jiddiskutu l-ekonomija tar-Renju Unit waqt laqgħa li kellhom f’Chequers li hi r-residenza tal-Prim Ministru f’Buckinghamshire.
//= $special ?>

