Internazzjonali

Ir-Russja: Attakk fuq ġellieda volontarja f’Belgorod qed ikun investigat bħala każ terroristiku

L-awtoritajiet fil-Kremlin qed jinvestigaw attakk qattiel fuq suldati voluntiera għal mal-Armata Russa u meta Moska qed tfisser dan il-każ bħala wieħed terroristiku.

Il-każ seħħ fi tmiem il-ġimgħa fir-reġjun ta’ Belgorod (fir-Russja) meta żewġ irġiel armati fetħu n-nar fuq grupp ta’ irġiel li kienu preżentaw ruħhom volontarjament biex imorru jiġġieldu fil-gwerra tal-Ukrajna fuq in-naħa tal-qawwiet Russi.

Is-sorsi tal-aħbarijiet Russi qalu li li l-aggressuri kienu ġejjin ‘minn eks-Repubblika Sovjetika’ u mingħajr ma taw id-dettalji jew identifikaw il-pajjiż inkwistjoni.

Fl-attakk spiċċaw midruba wkoll madwar 20 persuna, biż-żewġ aggressuri jinqatlu fuq il-post ftit tal-ħin wara.

Il-Ministeru tad-Difiża Russu kkundanna bla riservi dan l-attakk u qal li l-vittmi kienu esprimew ix-xewqa li jieħdu sehem fil-kampanja militari speċjali tal-Armata li ilha għaddejja minn Frar fl-artijiet Ukreni.

L-istess sorsi wkoll irreferew għall-aggressuri bħala terroristi waqt li kkonfermaw li l-midruba kienu ttieħdu lejn faċilità medika u li wħud minnhom kienu jinsabu f’periklu tal-mewt.

Il-Gvernatur tar-reġjun ta’ Belgorod sadanittant qal li ma kien hemm l-ebda vittmi fost ir-residenti lokali u lanqas ma kienu rappurtati midruba fost il-popolazzjoni ċivili.

Il-President tar-Russja, Vladimir Putin, ix-xahar li għadda, kien ordna l-mobilizzazzjoni ta’ 300,000 Russu li għandhom xi ftit esperjenza tal-ħajja militari wara perjodu ta’ lieva li jrid isir bilfors fir-Russja.

Iżda r-Russi, filwaqt li huma konxji mit-telfiet militari kbar li qed isofru fl-Ukrajna, anki qed jibgħatu lill-anzjani, persuni bi ħteġiet mediċi speċjali, kif ukoll irġiel li qatt ma qabdu arma b’idejhom biex jiġġieldu huma wkoll fl-Ukrajna.

Din is-sitwazzjoni qed tqajjem protesti kbar u paniku madwar ir-Russja fost l-ispinta tan-nies li qegħdin jagħmlu minn kollox biex jitilqu mill-pajjiż.

Ftit tal-jiem ilu, Vladimir Putin kien ħabbar li ‘il fuq minn 200,000 kienu diġà mobilizzati u li hu ma kienx qed jara l-ħtieġa għal mobilizzazzjoni addizzjonali ta’ irġiel biex jappoġġjaw lill-Armata Russa fl-Ukrajna.