Eluf ta’ dimostranti, ħarġu fit-toroq ta’ Tunis biex jipprotestaw kontra l-President tat-Tuneżija, Kais Saied li qegħdin jakkużawh bħala mexxej awtokratiku li qed jipprova jdawwar lura l-progress tal-pajjiż lejn id-demokrazija.
Saru wkoll dimostrazzjonijiet oħra minn movimenti politiċi li huma opposti għal xulxin u fejn anki kienet espressa l-għadab għal Saied u l-aġir tiegħu. Dan fost l-insistenza biex it-Tmexxija taċċetta responsabbiltà għall-kriżi ekonomika fit-Tuneżija li hi ddominata min-nuqqas tal-ikel u l-fuel.
Il-kritiċi tal-President akkużawh b’li qed jixpruna kolp ta’ stat bil-ħsieb li t-Tuneżija titmexxa minn sistema ta’ Gvern ikkontrollata minn bniedem wieħed biss u li jkollu poter assolut fil-pajjiż.
Dan wara li Saied, f’Lulju tal-2021, kien keċċa lill-Prim Ministru Tuneżin minbarra li sospenda lill-Parlament – u bil-President Tuneżin, sena wara, jgħaddi kostituzzjoni li kkonfermatu bħala ‘l-uniku mexxej’ wara li l-partiti tal-Oppożizzjoni kienu bojkottaw vot partikulari.
Il-Kostituzzjoni ġdida ħadet post il-Kostituzzjoni li kienet implimentata fit-tliet snin ta’ wara r-Rebbiegħa Għarbija tal-2011. Din, intant, tagħti kontroll sħiħ lill-Kap tal-Istat fuq livell eżekuttiv u meta l-Kap hu anki l-kmandant suprem tal-Armata. Intant, Saied anki jista’, jekk irid, jaħtar Gvern mingħajr il-ħtieġa għal approvazzjoni mill-Parlament f’Tunis.
//= $special ?>
