Sport Sport Ieħor

Kampjonati Mondjali tal-Parkinson Table Tennis: Malta tirbaħ id-Deheb fil-Kroazja

Rappreżentata minn Adrian Casha, akkumpanjat mill-kowċ tiegħu Katia Mifsud, Malta rebħet Midalja Tad-Deheb fil-Kampjonati Mondjali Tal-Parkinson fit-Table Tennis ġewwa Pula, il-Kroazja. 

Wara li nhar Il-Ħamis li għadda Adrian Casha flimkien ma’ Marjan Vitanc mis-Slovenja għelbu l-isfida tal-Ingilterra, it-tielet tim tal-Ġermanja u l-Awstrija bl-iskor identiku ta’ 3-0, fil-fazi tal-gruppi, huma komplew il-mixja tagħhom lejn il-finali tal-Ħadd filgħodu permezz ta’ tliet rebhet oħra s-Sibt kontra l-Iżrael, ir-Repubblika Ċeka u t-tieni tim tal-Ġermanja bl-iskors ta’ 3-0, 3-0 u 3-1 rispettivament.

Fil-Finali tal-Ħadd, Casha u Vitanc taw wirja mill-aqwa u għelbu lill-favoriti, il-koppja Ġermaniza Trabalski / Kalkhoff bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0 sabiex Malta u Slovenja kisbu t-titlu ta’ Champions tad-Dinja fil-Men’s Doubles tal-World Parkinson’s Table Tennis Championships.

Aktar kmieni din il-ġimgħa Adrian Casha ha sehem ukoll fil-Kategorija Men’s Singles iżda ma rnexxielux jgħaddi mill-fazi tal-gruppi. Madankollu huwa rnexxielu jikseb rebħa drammatika fil-partita ta’ konsolazzjoni kontra l-Izraelit Ronen Stein bl-iskor ta’ 3-2.

Din kienet it-tielet edizzjoni ta’ dawn il-Kampjonati Mondjali wara dawk li saru fi New York u Berlin fis-sentejn li għaddew. B’atleta u uffiċjal wieħed, Malta kellha l-iżgħar kontinġent fost l-20 pajjiż minn erba’ kontinenti li pparteċipaw.