Internazzjonali

“Kienet eroj u mara ta’ kuraġġ kbir” – Roberta Metsola

Ħames snin ilu… Malta kollha waqfgħet.

Kien kmieni wara nofsinhar meta bdew jidħlu rapporti ta’ karrozza bomba fil-limiti tal-Bidnija, bi ftit tal-ħin wara tidħol konferma li mara tilfet hajjitha.

Kienet omm. Kienet bint. Kienet ġurnalista. Iżda fuq kollox, kienet persuna li taf tħobb.

Daphne Caruana Galizia kienet ġiet assasinata ftit ‘il bogħod minn darha fis-16 t’Ottubru tal-2017.

L-Ewropa u d-dinja kienu xegħlu bl-aħbar xokkanti f’pajjiżna. U snin wara, għall-Unjoni Ewropea, din il-ġurnalista qalbiena għadha tfisser ħafna.

F’intervista li tat il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola lil din il-kamra tal-aħbarijiet, hi qalet li x-xogħol ta’ Caruana Galizia mhu se jintesa qatt.

“Daphne tfisser eroj, mara ta’ kuraġġ kbir permezz ta’ investigazzjonijiet kemm f’pajjiżna u anke barra. Kienet omm ta’ tliet subien, jiena omm ta’ erba’ subien. Tara mara li nsterqet mis-soċjeta għax sempliċiment xi ħadd ried jgħalqilha ħalqha. Lill-ġurnalisti kollha ngħidilhom – tieqfux tistaqsu l-mistoqsijiet.. Tibżgħux tistaqsu l-mistoqsijiet. Il-liġijiet li qed nagħmlu bħalissa kontra l-impunita huma bi tweġiba għal dak li seħħ f’Malta.”

Roberta Metsola qalet li pajjiżna għandu bżonn iktar żgħażagħ li jagħżlu l-ġurnaliżmu bħala professjoni sabiex ix-xogħol li għamlet Daphne Caruana Galizia jibqa’ ħaj.

“Jekk għandek prinċipji li trid tiddefendi, trid toħroġ u tiddefendihom bil-vuċi tiegħek u mhux ta’ ħaddieħor. Meta dħalt fil-politika minn ta’ eta żgħira rajt li Malta postha fl-Unjoni Ewropea. Iż-żgħażagħ tal-lum inħeġġihom biex joħorġu jivvutaw hekk kif jekk wieħed ma jivvutax ifisser li ħaddieħor jivvota għal xi ħaġa li int ma tkunx taqbel magħha.”

Il-President tal-Parlament Ewropew spjegat ghaliex huwa importanti x-xoghol tal-media u l-ġurnalisti.

“Il-ġurnaliżmu hu kruċjali. Li kieku m’għandnix il-ġurnaliżmu li jagħti liċ-ċittadin dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin biex eventwalment jagħmel l-għażla tiegħu fl-elezzjoni, is-soċjeta tagħna ma tistax taħdem.”

Daphne Caruana Galizia tibqa’ magħrufa mhux biss għax-xogħol li għamlet f’pajjiżna iżda wkoll għal investigazzjonijiet li għamlet fuq livell internazzjonali… bl-ikbar rivelazzjoni tibqa’ dik b’rabta mal-Panama Papers fejn kien hemm imdaħħal l-eks Ministru Konrad Mizzi.