Lokali

“L-assassinju tal-bnedmin qatt m’għandu jkun business as usual” – Arċisqof Charles Scicluna

“Aħna qiegħdin hawn, aħna min aħna ta’ liema kulur aħna biex inkun ċar, biex l-assassinju tal-bnedmin qatt u qatt m’għandu jkun business as usual.”

Hekk sostna l-Arċisqof Charles Scicluna l-Ħadd filgħodu waqt li kien qiegħed jindirizza l-omelija tiegħu waqt il-Quddiesa b’suffraġju għal Daphne Caruana Galizia fil-Kappella tal-Bidnija b’okkażżjoni tal-5 snin mill-assassinju brutali tal-ġurnalista.

L-Arċisqof insista li ħassu xxokkjat meta kien qed jaqra intervista li kellu wieħed mill-irġiel li illum ammetta l-involviment tiegħu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia meta qal li għalih dan kollu kien business as usual.

Charles Scicluna stqarr li f’xi waqtiet il-bniedem jgħid għalfejn Alla jippermetti dan, u fejn jinsab Alla meta jkollok bżonnu anke sabiex issir ġustizzja.

Iżda insista li l-bniedem irid jagħmel il-parti tiegħu wkoll. Ma nistgħux nibqgħu fis-silenzju, fil-kompliċità jew il-biża’ għax inkunu qed intelfu proprju lil Alla milli jagħmel ġustizzja.

Huwa saħaq li meta nfittxu l-ġustizzja ma nistgħux naqtgħu qalbna iżda rridu nibqgħu perseveranti u kuraġġużi.

Dan filwaqt li preċiża jgħid li d-dinjita tal-bniedem mhux ġejja mill-karti tal-kostituzzjoni jew mill-kotba tal-liġi iżda ġejja direttament minn Alla.. għaliex id-dinjità, kompla l-Arċisqof, mhux mgħotija mill-Istat imma mill-Ħallieq tagħna.

Preżenti għal din iċ-ċelebrazzjoni kien hemm fost oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech flimkien mas-sinjura tiegħu Annemarie kif ukoll Maria Falcone, oħt il-Maġistrat Giovanni Falcone li f’Mejju tal-1992 kien inqatel f’karozza bomba mill-Mafia ta’ Cosa Nostra.