F’Elland Road
Leeds v Arsenal 0-1
Gowl uniku skurjat fis-37 minuta minn Bukayo Saka kien biżżejjed biex jagħti tliet punti oħra lil Arsenal (1-0) li din is-sena qed jidhru bħala sfidanti serji għal Manchester City. Il-gowl wasal meta Saka irċieva assist minn Martin Odegaard u, minn angolu diffiċli, ma ta l-ebda ċans lil Meslier fil-lasta ta’ Leeds.
Iżda l-logħba f’Elland Road żvolġiet b’mod differenti mill-konfronti l-oħra tal-kampjonat għaliex kellha titwaqqaf wara biss 23 sekonda minħabba li nqata’ id-dawl u bir-referi, Chris Kavanagh jitlef il-komunikazzjoni mal-uffiċjali tal-VAR. Is-sitwazzjoni wasslet biex Kavanagh – ladarba kien infurmat biċ-ċirkustanzi – joħroġ liż-żewġ tims mill-grawnd sakemm l-affarijiet tranġaw u bil-plejers ikomplu din il-logħba xi 40 minuta wara l-ħin skedat.

F’Villa Park
Aston Villa v Chelsea 0-2
Doppjetta minn Mason Mount – b’gowl skurjat f’kull taqsima – issarrfet ti fliet punti oħra għal Chelsea f’Villa Park, għall-ispejjeż ta’ Aston Villa. Dawn kienu anki l-ewwel gowls tal-istaġun għall-midfielder internazzjonali Ingliż biex b’hekk kompla l-‘unbeaten run’ għal Graham Potter kemm ilu li sar manager tal-Blues minflok Thomas Tuchel. Chelsea marru fil-vantaġġ wara biss sitt minuti, meta minn header żbaljat ta’ Tyrone Mings, il-ballun spiċċa f’saqajn Mount li ma kellux diffikultà biex isib ix-xibka. Il-Blues imbagħad kellhom isofru assedju fuq il-lasta tagħhom, bil-gowlkiper Arrizabalaga isalva t-tentattivi ta’ Ings, McGinn u Ramsey.
Iżda fit-tieni taqsima Chelsea serrħu rashom mir-riżultat meta Mount (65) sammar ġewwa minn freekick għat-2-0 u bil-gowlkiper Martinez jinqabad fuq sieq waħda. Ir-riżultat waqqaf is-sensiela pożittiva għal Villa li kienu ilhom mingħajr telfa għal erba’ logħbiet u meta Graham Potter għadu ma tilifx darba wara sitt logħbiet bħala manager ta’ Chelsea.

F’Old Trafford
Manchester United v Newcastle United 0-0
Manchester United kienu miżmuma minn Newcastle United f’Old Trafford, b’Marcus Rashford kważi jkun l-eroj għar-Red Devils b’daqqa ta’ ras, fl-94 minuta, li għaddiet barra bi żbrixx. Intant, din kienet logħba fejn id-difiżi ddominaw fuq l-attakkanti u meta kien mistenni ħafna aktar minn United li niżlu għal din il-logħba mingħajr il-playmaker regolari Christian Eriksen Filwaqt li r-Red Devils kellhom aktar mil-logħob, l-aqwa ċans f’dan il-konfront kien ta’ Newcastle meta Joelinton, fl-ewwel taqsima, ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-mimduda, bil-Brażiljan, imbagħad, jolqot sieq il-lasta mill-follow-through.
Fl-aħħar ħinijiet, United ikkampjaw barra l-kaxxa ta’ Newcastle u fl-aħħar sekondi, Casemiro għadda ballun perfett lil Rashford, li kien daħal bħala sostitut minflok Ronaldo, u bl-attakkant Ingliż jindirizza daqqa ta’ ras ftit barra – bil-pubbliku f’Old Trafford kważi jgħajjat gowl wara l-aħħar azzjoni tal-logħba.
F’ St.Mary Stadium
Southampton v West Ham United 1-1
L-ewwel gowl għal Declan Rice fil-Premier League għal kważi sena ċaħad lil Southampton minn rebħa rari, b’West Ham jirreaġġixxu għal żvantaġġ bikri biex isalvaw punt, 1-1, f’ St Mary’s Stadium. Romain Perraud (20) kien skorja l-gowl tal-ftuħ b’mod kontroversjali, bil-Hammers jipprotestaw wara li r-referi kien fixkel lil Jarrod Bowen milli jasal l-ewwel għall-ballun – u bir-riżultat li t-tentattiv ta’ Perraud spiċċa fix-xibka tagħhom. West Ham għamlu minn kollox biex jidħlu fil-logħba u ħlew diversi okkażjonijiet sakemm Rice (64) ħadem ballun mas-sostitut Said Benrahma qabel dawwar ġmiel ta’ xutt għar-rokna tax-xibka u għall-ewwel gowl personali fil-kampjonat mill-31 ta’ Ottubru tal-2021.
Għalkemm dan kien l-ewwel punt għal Southampton f’ħames logħbiet, għad hemm pressjoni kbnra fuq il-manager Ralph Hasenhuttl li t-tim tiegħu baqa’ ankrat fiz-zona l-ħamra tal-klassifika.

F’Anfield Road
Liverpool v Manchester City 1-0
Liverpool insew xi ftit mid-diżappunti tal-bidu tal-istaġun b’rebħa missielta, 1-0, fuq iċ-Champions Ingliżi Manchester City f’Anfield Road. B’dan ir-riżultat, Arsenal huma kmandi assoluti tal-Premier League b’vantaġġ ta’ erba’ punti fuq l-Citizens.
Intant, Man City – li kellhom lil Erland Haaland imrażżan sew mid-difiża tar-Reds – tilfu r-rekord ta’ mingħajr telfa wara l-ewwel għaxar konfronti tal-kampjonat, bil-logħba tiżvolġi f’waħda nervuża daqskemm kienet kumbattuta matul it-tieni 45 minuta. Iżda biżżejjed wieħed jgħid li Liverpool – wara r-rebħa ta’ 7-1 ma’ Glasgow Rangers fiċ-Champions League – qed jidhru li reġgħu sabu l-forma tagħhom; bl-Eġizzjan Mo Salah din id-darba jagħmel id-differenza kollha wara l-aħħar ħarġiet deludenti fil-kampjonat.
L-aqwa azzjonijiet waslu kollha fit-tieni taqsima u fejn City kellhom gowl ta’ Phil Foden ġustament imħassar mill-VAR wara li Haaland kien iffawlja lil Fabinho fl-istess azzjoni. Sadanittant, il-gowkiper ta’ City, Ederson, ċaħad lil Salah li kien spiċċa waħdu quddiemu, iżda l-Eġizzjan patta għal dan meta, kwarta mit-tmiem, Cancelo ma kontrollax il-ballun, b’Salah javvanza mill-ġdid fuq Ederson u fejn din id-darba ma żbaljax, b’xutt preċiż li ħalla lill-gowlkiper iżolat u megħlub. Ir-reazzjoni ta’ City ftit ipproduċiet frott u lejn l-aħħar tal-logħba, il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp spiċċa mkeċċi mir-referi, Anthony Taylor, wara li hu pprotesta b’mod inaċċettabbli għal presunt fawl fuq Mo Salah.
//= $special ?>