Futbol Sport

Serie A: Rebħiet għal Inter u Napoli

(Ritratt: EPA)

F’San Siro

Inter v Salernitana 2-0


Fl-ewwel partita tal-Ħadd Inter laqgħu lil Salernitana f’San Siro. Inter marru fil-vantaġġ kmieni permezz ta’ gowl minn barra l-kaxxa tal-attakkant Arġentin Lautaro Martinez minn pass ta’ Nicolo Barella. B’dan il-gowl Inter daħlu jistrieħu fil-vantaġġ.

Fit-tieni taqsima Inter ħarġu jfittxu t-tieni gowl u dan sabuħ wara 58 minuta logħob b’gowl ta’ Nicolo Barella minn kross tal-midfielder Tork Hakan Calhanoglu.

Fi Stadio Olimpico

Lazio v Udinese 0-0

F’partita missielta bejn Lazio u Udinese ż-żewġ timijiet ħadu punt kull wieħed bit-tnejn li huma jkomplu l-bidu tajjeb tagħhom fil-kampjonat.

L-ewwel azzjoni denja ta’ nota waslet wara tlettax -ilminuta logħob meta Alessio Romagnoli ġie viċin li jiskurja permezz ta’ daqqa ta’ ras minn korner ta’ Danilo Cataldi.
Ftit minuti qabel tmiem il-logħba Udinese ġew viċin meta Gerard Deulofeu laqat il-mimduda b’xutt minn barra l-kaxxa.

Fl-Alberto Picco

Spezia v Cremonese 2-2

Spezia kkonfrontaw lil Cremonese f’darhom fejn iż-żewġ timijiet kisbu punt f’konfront mimli battibekki.

Cremonese fetħu l-iskor wara żewġ minuti permezz tal-attakkant Cyriel Dessers hekk kif sab ix-xibka minn korner. Spezia ma damux ma kisbu d-draw hekk kif fid-dsatax-il minuta kien Mbala Nzola li sab ix-xibka minn pass ta’ Bianchetti. Spezia reġgħu skorjaw wara tlett minuti meta Emil Holm tefa’ ġewwa minn korner mogħti minn Agudelo.

Cremonese skurjaw il-gowl tad-draw fit-52 minuta permezz ta’ Charles Pickel minn kross ta’ Sernicola.

Fil-Diego Armando Maradona

Napoli v Bologna 3-2


Napoli jkomplu l-bidu tajjeb tagħhom hekk kif kellhom jiġu minn taħt kontra Bologna.


Kontra l-andament tal-logħba Bologna kisbu l-vantaġġ fil-41 minuta permezz ta’ gowl mill-attakkant Olandiż Joshua Zirkzee minn pass ta’ Cambiasso. Madankollu Napoli ma damux ma sabu l-gowl tad-draw hekk kif ftit ħin qabel tmiem l-ewwel taqsima kien Juan Jesus li sab ix-xibka minn ftit metri l-bogħod mil-lasta. B’dan il-gowl iż-żewġ timijiet daħlu għal ħin tal-mistrieh jittamaw li jiskurjaw il-gowl tar-rebħa.


Ftit minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima Napoli marru fil-vantaġġ permezz ta’ gowl mill-attakkant Messikan Hirving Lozano. Iżda Bologna rispondew mill-ewwel hekk kif sabu x-xibka tlett minuti wara u kisbu d-draw permezz ta’ gowl minn Musa Barrow. Fid-69 minuta Napoli reġgħu sabu x-xibka għal dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa meta l-attakkant Victor Osimhen ikkonkulda mil-pass ta’ Kvaratskhelia.

Fil-Stadio Marcaoantonio Bentegodi

Hellas Verona v Milan 1-2

Fl-aħħar logħba tal-Ħadd Milan ħarġu rebbieħa fil-konfront tagħhom kontra Hellas Verona.

Milan marru fil-vantaġġ wara disa’ minuti permezz ta’ awto gowl mill-midfielder Miguel Veloso meta pprova jwaqqaf ix-xutt ta’ Giroud iżda b’sfortuna għal Portugiż il-ballun spiċċa fil-lasta tiegħu stess. Madankollu Verona kisbu d-draw għaxar minuti wara meta d-difensur ċentrali Koray Gunter ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper u għeleb lil Tatarusanu b’xutt b’saħħtu.

Milan reġgħu sabu x-xibka fil-81 minuta għal dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa permezz ta’ xutt mix-xellug ta’ Sandro Tonali.