Futbol Sport

Tottenham jikkonsolidaw it-tielet post b’rebħa fuq Everton f’The New White Hart Lane

(Ritratt: EPA)

Tottenham Hotspur komplew bl-isfida għall-kampjonat bħala ‘outsiders’ permezz ta’ rebħa f’darhom, 2-0, għall-ispejjeż ta’ Everton. Dan meta  t-tim ta’ Antonio Conte ikkonsolida t-tielet post fil-klassifika tal-Premier League fejn għandu żvantaġġ ta’ erba’ punti maċ-Champions u l-liders Manchester City, li llum huma impenjati għand Liverpool.Intant, din kienet ħarġa oħra diżappuntanti għal Everton wara t-telfa f’darhom ma’ Manchester United, bil-lenti mill-ġdid qed taqa’ fuq il-manager Frank Lampard minkejja s-sewkenza preċedenti ta’ sitt logħbiet utli (fil-kampjonat) għat-Toffees. Tottenham bdew il-logħba f’The New White Hart Lane fuq nota pożittiva iżda kellhom jistennew sad-59 minuta biex jiżblukkaw ir-riżultat meta l-gowlkiper ta’ Everton Jordan Pickford waqqa’ lil Harry Kane fil-kaxxa wara li ma żammx ix-xutt ta’ Matt Doherty. Bħas-soltu kien Kane li nkariga ruħu u li għeleb lil Pickford b’xutt għar-rokna mill-ħdax il-metru.Ir-reazzjoni ta’ Everton ma kenitx daqstant konvinċenti u fis-86 minuta wasal il-gowl li kkonkluda l-impenn meta Pierre-Emile Hojbjerg irċieva mingħand Betancur biex reġa’ sab ir-rokna tax-xibka – b’Pickford mill-ġdid megħlub – għat-2-0 finali.

Leicester City kellhom jikkuntentaw biss bi dro, 0-0, f’darhom ma’ Crystal Palace u għal riżultat li jħallihom l-aħħar fil-klassifika, fuq ħames punti, l-istess bħal Nottingham Forest, iżda b’differenza ta’ gowls aħjar.L-ewwel gowl f’din il-logħba dejjem kien se jkun kruċjali iżda Leicester ma qamux għall-okkażjoni u kienu Palace li bdew jagħfsu għall-vantaġġ fl-ewwel ħinijiet u fejn impenjaw diversi drabi id-difiża tal-Foxes. Madankollu, l-aħjar ċans fl-ewwel taqsima kien ta’ Leicester, meta Patson Daka – fuq suġġeriment ta’ Harvey Barnes, ra t-tentattiv tiegħu newtralizzat mill-gowlkiper Guaita.It-tieni 45 minuta ftit ipproduċiet azzjonijiet fuq iż-żewġ lasti ħlief għal żewp tentattivi mill-playmaker ta’ Leicester, James Maddison, li fallew il-bersall bi ftit. Minn dak il-ħin il-logħba żvolġiet f’waħda monotoma u bir-referi jikkonkludi l-impenji għal dro li żgur ma jissodisafax lill-Foxes ta’ Brendan Rodgers.

Bournemouth għadhom mingħajr telfa kemm ilhom taħt it-tmexxija tal-manager proviżorju Gary O’Neil u huma setgħu anki kisbu aktar minn sempliċi punt fid-dro ta’ 2-2 ma’ Fulham fi Craven Cottage. Iċ-Cherries kisbu l-vantaġġ minn Dominic Solanke wara biss żewġ minuti, iżda Fulham irreaġew, bi Diop (22) jikseb parità mistħoqqa.Imbagħad kien imiss lil Jefferson Lima li jiskorja t-tieni gowl għal Bournemouth man-nofs-siegħa iżda Fulham – permezz tal-prolifiku Aleksandar Mitrovic (52) – salvaw id-dro minn penalty ikkonvertit mill-attakkant Serb għat-2-2 finali. Ir-riżultat ifisser li Bournemouth issa kisbu żewġ rebħiet u erba’ dros kemm ilu li ħadhom f’idejh O’Neil wara t-tkeċċija ta’ Scott Parker f’Awwissu li għadda.

Wolverhampton Wanderers ħadu ftit tan-nifs b’rebħa, 1-0, fuq Nottingham Forest f’Molineux u għal tliet punti li tellgħuhom xi ftit ‘il fuq miż-żona l-ħamra – b’Forest jibqgħu ankrati fl-aħħar post tal-klassifika tal-Premier League. Il-gowl importanti wasal fit-tieni taqsima permezz ta’ penalty skurjat minn  Ruben Neves (56) u li kien ikkonfermat mill-VAR wara stennija ta’ xejn anqas minn erba’ minuti. Imbagħad kienu Forest li rebħu penalty għall-fawl ta’ Matheus Nunes fuq Ryan Yates iżda l-gowlkiper ta’ Wolves, Jose Sa, wettaq save brillanti fuq ix-xutt mill-ħdax-il metru ta’ Brennan JohnsonLejn l-aħħar tal-konfront, Max Kilman ta’ Wolves laqat il-lasta b’daqqa ta’ ras u bl-istess plejer ikun sfortunat li r-rebound spiċċa għand il-gowlkiper ta’ Forest, Dean Henderson.