Minn Chris Cassar
ŻURRIEQ …………………..1
ATTARD ..…………………..2
Żurrieq: D. Zarb, I. Bojovic, J. Busuttil, A. Azzopardi, I. Misan, B. Sammut, M. Busuttil, A. Caruana, X. Portelli, J.V. de Oliveira Florencio, S. Darmanin.
Attard: Z. Valletta, A. Gius, K. Suso Kebba, K. Fedele, C. Del Castillo Escober, J. Gauci, N. Spiteri, N. Schembri, L. Martinelli, J. Micallef, J.C. Pereira.
Referee: Sergii Boiko
Attard kisbu t-tieni rebħa konsekuttiva meta għelbu lil Żurrieq 2-1 wara li kellhom bidu diffiċli fejn marru minn taħt wara ftit minuti. Din kienet ripetizzjoni tad-decider tal-Amateur League tal-istaġun li għadda u din id-darba Attard pattewha lill-avversarji li kienu rebħu l-kampjonat.
Il-logħba tal-bieraħ kienet battalja missielta biż-żewġ naħat ifittxu li jiksbu t-tliet punti biex fl-aħħar kienu Attard li rnexxielhom jagħmlu dan.
Bidu tajjeb għal Żurrieq li wara tliet minuti rebħu penalty għal fawl fuq Dasser Sammut bl-istess Sammut ma jiżbaljax mill-11-il metru. Tliet minuti wara opportunita’ għal Attard iżda Bledi spara għoli minn qagħda tajba.
Il-gowl tad-draw wasal fis-16-il minuta meta Spiteri niżżel bir-ras lejn Andrew Agius li b’first-timer minn tarf il-kaxxa sab ix-xibka. Fil-21 minuta Florencio daħal tajjeb fil-kaxxa u għeleb lill-goalkeeper iżda Keith Fedele tajjar minn fuq il-linja biex salva lil Attard.
Fit-63 minuta Attard marru għal-ewwel darba fil-vantaġġ meta Suso Kebba rebaħ ballun fid-difiża avversarja u b’xutt bid-dawra sab ix-xibka. Wara dan il-gowl kien hemm ir-reazzjoni ta’ Żurrieq u l-goalkeeper ta’ Attard wettaq save stupend fuq daqqa ta’ ras mill-viċin ta’ Sammut.
San Ġwann u Marsa jaqsmu erba’ gowls f’logħba nteressanti
SAN GWANN …………….2
MARSA ………………………2
San Gwann: M. Spiteri, K. Bartolo, A. Xuereb, M. De Lucena Guariento, K. Gatt, J. Grech, A. Falzon, I. Cutajar, B. Kanta, C. Omoruanzoje, D. Sowatey
Marsa: A. Gilson, D. Micallef, R. Fenech, T. Iida, L. Brincat, C. Camilleri, I. Montanaro, D. Grima, G. Bugeja, L. Ribeiro De Oliveira, V. Alinho.
Referee: Alex Johnson
San Gwann u Marsa qasmu erba’ gowls f’logħba mill-iktar interessanti u missielta fejn finalment ir-riżultat kien l-iktar wieħed ġust.
San Gwann bdew juru l-aħjar ideat fl-ewwel taqsima iżda kienu Marsa li fallew ċans tajjeb permezz ta’ Luca Brincat li minn qagħda tajba d-daqqa ta’ ras tiegħu tmur barra. San Gwann resqu qrib b’azzjoni tajba ta’ De Lucena Guariento li x-xutt fil-baxx tiegħu ħabat ma’ sieq il-lasta.
Fit-42 minuta Marsa marru fil-vantaġġ meta Montanaro daħal tajjeb fil-kaxxa fejn twaqqa’ minn Xuereb u mill-ħdax-il metru kien Ribeiro li skorja b’xutt ċentrali. Fit-tielet minuta ta’ ħin miżjud tal-ewwel taqsima San Gwann kisbu l-gowl tad-draw meta minn kross mix-xellug ta’ Kyle Gatt, il-ballun ħabat ma’ Alhinho u spiċċa fix-xibka.
Fit-tieni taqsima Kanta falla minn qagħda ideali għal San Gwann u Marsa resqu qrib b’lob ta’ Brincat li mar ftit barra. Fl-aħħar minuti Ribeiro kellu daqqa ta’ ras salvata b’diffikulta minn Spiteri biex fl-84 minuta San Gwann marru fil-vantaġġ meta Toure qassam lejn De Lucena Guariento li mill-viċin kompla għal ġewwa.
Reazzjoni immedjata ta’ Marsa li kienu sfortunati meta daqqa ta’ ras ta’ Ribeiro ħabtet mal-mimduda iżda fit-88 minuta l-istess Ribeiro spara fix-xibka minn azzjoni ta’ korner.
Tarxien jiksbu t-tieni rebħa tal-istaġun
TARXIEN R. ……………………2
FGURA U. ………………………1
Tarxien R: J. Borg, N. Micallef, C. Conceicao Filho, B. Muscat, M. Spiteri, T. Nonato Peixoto, D. Falzon, S. Bezzina, B. Farrugia, M. Tabone, J. Conceicao Cabral.
Fgura U: J. Azzopardi, L. Pisani, D. Caruana, J. Micallef, M. Brincat, J. Stensen, K. Gandini, R. Vella, S. Buhagiar, A. Da Silva Arruda, D. Quintero.
Referee: Andrea Sciriha
Tarxien kisbu t-tieni rebħa tal-istaġun wara serje ta’ erba’ logħbiet mingħajr rebħa, meta għelbu lil Fgura 2-1 bil-gowls kollha skorjati fl-ewwel taqsima. Għal Fgura din kienet it-tieni telfa konsekuttiva, telfa li waslet minkejja li lagħbu l-aħħar 20 minuta b’vantaġġ numeriku għaliex Tarxien kellhom plejer imkeċċi.
Il-logħba kellha bidu mill-aqwa fejn wara tmien minuti Fgura fetħu l-iskor meta Quintero kellu ġirja tajba fuq il-lemin u x-xutt fil-baxx tiegħu sab lil Da Silva Arruda li ma kellux diffikulta ikompli għal ġewwa mill-viċin.
Risposta mmedjata tar-Rainbows li tliet minuti wara kisbu d-draw meta Conceicao Cabral skorja b’daqqa ta’ ras preċiża. Il-kumplament tat-taqsima kien ferm missielet biż-żewġ naħat ifittxu l-gowl tal-vantaġġ. Dan inkiseb mir-Rainbows fid-39 minuta meta minn azzjoni ta’ korner kien il-captain Matthew Tabone li xeħet fix-xibka bir-ras mill-viċin.
Fit-tieni taqsima Fgura wettqu reazzjoni u tarxien kellhom jiddefendu għal ħinijiet twal, anki jekk ħafna drabi Fgura dehru konfużi u mingħajr wisq ideat fl-attakk. Tarxien sofrew daqqa ta’ ħarta fis-70 minuta meta Carlos Conceicao Filho ntwera t-tieni karta safra.
Fgura iktar attakkaw fejn ippruvaw jisfruttaw il-vantaġġ numeriku iżda kellhom biss azzjoni waħda għaxar minuti mit-tmiem. Ħarġa difettuża tal-gaolkeeper Borg li ma żammx il-ballun li wasal f’saqajn Buhagiar iżda x-xutt tiegħu kien imblukkat fuq il-linja minn Steven Bezzina.
Riżultati kollha:
San Ġwann 2-2 Marsa
Melita 0-1 Sliema W
Tarxien R 2-1 Fgura
Swieqi 0-2 St. Andrews
Żurrieq 1-2 Attard
//= $special ?>