Ħadd m’għandu jitħalla jaħrab mill-ġustizzja. Il-ġustizzja trid tidher li qed issir.
Dan hu dak li qal il-Kap tal-PN Bernard Grech fil-Parlament dwar abbozz ta’ liġi li se jellimina l-possibbiltà li akkużat jabbuża mill-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
“Il-ġustizzja trid mhux biss issir, iżda tidher li qed issir. Dan huwa prinċipju kardinali li rridu nimxu miegħu”
Bernard Grech qal li fejn hu ġenwin u ġust, l-Oppożizzjoni se tkun parti mill-bidla biex il-ġustizzja ssir tassew.
“Aħna għaliex dejjem naraw l-aħjar ta’ pajjiżna li fejn hu ġenwin u ġust, il-Gvern isibna warajh, ħassejna li mhux biss kellna niltaqgħu, imma kellna nagħmlu dan b’mod urġenti”
Il-Kap tal-PN qal li jrid ikun hemm ir-rieda politika biex wieħed li jkollu irwol għoli fil-ġurisdizzjoni jitħalla jaħdem fil-libertà u b’mod indipendenti.
“Għalhekk l-Oppożizzjonoi għamlet proposta biex l-Avukat Ġenerali ma jibqax jinħatar mill-Gvern, imma jinħatar b’żewġ terzi tal-Parlament, wara sejħa pubblika. Dan ikun wieħed mill-passi meħtieġa biex dan l-Uffiċċju jibda jaħdem kif huwa xieraq u kif fuq kollox tgħid il-Kostituzzjoni ta’ Malta”
Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Parlament għandu jibgħat messaġġ b’saħħtu favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna u ta appoġġ sħiħ u inkondizzjonat lil dawk kollha li jwettqu dmirijiethom fis-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna.
//= $special ?>