Lokali Parlament

Il-gvern b’miżura iżolata wara l-ġuri dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Propju fl-ewwel seduta wara l-ġuri dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, il-gvern ressaq miżuri fil-parlament biex ma jkunx possibbli li akkużat jipprova jtawwal il-proċeduri ġudizzjarji biex wara 30 xahar jingħata l-libertà proviżorja.

L-emenda, li dwarha tkellem il-Prim Ministru Robert Abela, għandha l-iskop li ma jingħata ebda lok lil min jaħseb li jista’ jabbuża mill-proċess ġudizjarju. Malta għolliet l-istandards dwar il-governanza tajba u s-saltna tad-dritt u ħadd m’għandu jaħrab mill-proċess ġudizzjarju, sostna l-Prim Ministru.

Hu qal li l-aħħar avvenimenti taw x’jifhmu lill-gvern li hemm min seta’ jabbuża minn toqba fil-liġi li tippermetti lil dak li jkun biex jabbuża mil-liġi biex jaħrab mill-proċess ġudizzjaru. Għalhekk il-gvern abbozz ta’ liġi li kienet apporvata mill-Kabinett biex issa jitressaq bi qbil mal-Oppożizzjoni.

Il-Prim Ministru qal li fil-liġi hemm dispożizzjoni li tgħid li wara ċertu xhur minn meta jinħareġ l-att tal-akkuża, bilfors l-akkużat jingħata l-ħelsien mill-arrest b’mod awtomatiku.

Hu qal li nqalgħet sitwazzjoni li fiha, meta l-akkużat jara li se jgħaddu t-30 xahar minn meta nħarġet l-akkuż, jara kif jivvinta xi ħaġa biex iwaqqaf il-ġuri. Dan seta’ sar billi l-akkużat jweġġa’ lilu nnifsu u għalhekk tinħoloq sitwazzjoni li jkollu jingħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Prim Ministru qal li l-abbozz ta’ liġi ma jippermttix li dan iseħħ. Għalhekk din l-emenda tgħid li meta akkużat ma jkunux ingħata ħelesien mill-arrest u l-akkużat jagħmel ħsara lilu nnifsu jew xi azzjoni oħra, il-perjodu ta’ 30 xahar jkun sospiż.

Robert Abela qal li dan hu pajjiż li mhux se jippermetti li xi ħadd jilgħab mal-proċess tal-ġustizzja u sostna li dan hu gvern li jiġġieled bis-saħħa lill-kriminaltà, kemm żgħir kif ukoll dik organizzata.

Il-Prim Ministru rrifera għall-każ tal-ġuri tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u qal li dan il-qtil ma jirrifletti xejn il-valuri tal-poplu Malti. Il-piena ta’ 40 sena lill-ħatja kienet messaġġ li l-pajjiż se jibqa’ jaħdem kontra l-kriminalità.

Il-Prim Ministru qal li l-gvern ħa passi qawwija fosthom proklama li għenet lill-investigaturi dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia u l-mod responsabbli kif il-gvern irrifjuta talbiet għal proklami li saru. Tejjibna l-qafas demokratiku tal-pajjiż fl-aħħar sentejn u nofs iżda fadal x’isir, sostna l-Prim Ministru, li qal li l-gvern se jwettaq rifoma dwar kif jitmexxew il-kumpilazzjonijiet.