Il-Partit Nazzjonalista jinsab diżappuntat li, għal darb’oħra, miri importanti li pajjiżna kellu jilħaq fejn jidħol l-Ambjent u t-tisħiħ tiegħu reġgħu ma ntlaħqux mill-Gvern Laburista. Dan hekk kif l-Awtorità tal-Ippjanar għadha kemm approvat żieda ta’ għoli sostanzjali fil-miżbla tal-Għallis biex tkun’ tista’ tkompli topera għal tliet snin oħra.
Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem għall-Ambjent, il-Ħolqien ta’ Spazji Ġodda u d-Drittijiet tal-Annimali Janice Chetcuti, il-Partit Nazzjonalista qal li minflok ma jirsisti biex pajjiżna jkun aktar effiċjenti u effettiv fil-mod kif l-iskart jista’ jibda jiġi sfruttat b’ mod aktar nadif u b’anqas danni fuq saħħitna u fuq l-ambjent, il-Gvern qed jintuża’ dan il-cushion, hekk kif ġie deskritt u spjegat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, minħabba li soluzzjoni għadha ma nstabitx u għalhekk, kellhom jirrikorru għal dan.
Il-Partit Nazzjonalista poġġa l-Ambjent, il-ħarsien tiegħu u l-benesseri tagħna lkoll fuq quddiemnett anke fil-Programm Elettorali tiegħu u qed jagħtih importanza assoluta.
Kien għalhekk li żewġ proposti importanti, fost lista twila, li jirrigwardjaw dan is-settur kienu proprju li tiżdied l-importanza li għandha tingħata lil NGOs Ambjentali u li dawn għandu jkollhom preżenza li tinħass aktar fil-bordijiet meta jittieħdu deċiżjonijiet ta’ dan it-tip.
Il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern irid li, ta’ kull sena, jikkometti ruħu li jżid 50,000 metru kwadru mal-art ODZ li diġà teżisti u tingħata prijorità assoluta fejn tidħol żieda konsistenti fl-afforestazzjoni ta’ pajjiżna.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota b’dieqa li għadna ferm ‘il bogħod milli nilħqu l-miri mixtieqa fejn jidħol l-iskart u l-immaniġġjar tiegħu, li idealment jinżel minn 90% kif inhu bħalissa għal 10% kif mitlub minna bħala pajjiż. Hu għalhekk li nemmnu li hemm bżonn ta’ aktar riċiklaġġ tal-iskart, li fl-aħħar snin minn 11% tela’ biss għal 15%.
Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ impenjat għal politika ġdida b’importanza ewlenija fuq l-Ambjent kollu li jdawwarna, b’arja aktar nadifa, ilma ta’ kwalità aħjar, ħolqien ta’ aktar spazji miftuħa u afforestazzjoni li tħaddar is-sena kollha għax dan kollu jwassal biex il-Maltin u Għawdxin kollha ngħixu kwalità ta’ ħajja aħjar, bil-benessere tagħna jkun prijorità uniku f’ħajjitna.
//= $special ?>