L-awtoritajiet Ukreni qegħdin jixlu lir-Russja dwar ‘il-ġenoċidju ta’ poplu’ wara li l-qawwiet tal-Kremlin mill-ġdid wettqu sensiela ta’ attakki fuq iz-zoni ċivili tal-Ukrajna. F’din l-istraġi spikkaw l-attakki fuq stil kamikaze bid-drones fuq Kiev, il-kapitali tal-Ukrajna, u li fost oħrajn laqtu l-infrastruttura importanti f’numru ta’ reġjuni.
Id-drones kienu ta’ manifattura Iranjana u meta fl-aħħar jiem. xi esperti mill-Iran kienu marru fir-Russja biex iħarrġu lill-Armata Russa fl-użu tagħhom.
L-aħħar attakki rriżultaw fil-qtugħ tal-elettriku għal mijiet tal-villaġġi madwar l-Ukrajna u bil-vittmi ma jonqsux fl-inħawi ta’ Kiev u fil-belt ta’ Sumy.
Il-Prim Ministru Ukren Denys Shmygal, qal li l-aħħar attakki laqtu anki r-reġjun ta’ Dnipro – bil-kelliema fir-Russja jsostnu li d-drones ‘laqtu l-miri kollha speċifikati, fosthom il-faċilitajiet għall-kmand militari u s-sistema tal-enerġija tal-Ukreni’.
Min-naħa tiegħu, il-Viċi-Ministru Ukren għall-Intern, Yevhan Yenin, wissa li r-Russja trid toħloq il-kaos għall-Ukreni anki fis-settur tal-enerġija, b’uffiċjali oħra fi Kiev jgħidu li l-attakki bid-drones qegħdin juru kemm ir-Russi saru ddisprati wara li sofrew id-disfatti kbar fil-kampijiet tal-battalja.
L-awtoritajiet Ukreni, sadanittant, qalu li l-qawwiet tagħhom irnexxielhom jeqirdu talanqas 40 drone li kienu indirizzati għal pajjiżhom – b’dawn id-drones jispikkaw l-aktar waqt l-attakki ta’ dalgħodu fuq Kiev.
Numru ta’ drones niżlu eżattament fiċ-ċentru tal-kapitali, bil-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky, wara, itenni li r-Russi mhumiex se jirnexxilhom ikissru l-moral tal-Ukreni, irrispettivament minn kemm jattakkawlhom l-ibliet.
Zelensky mill-ġdid akkuża lir-Russja dwar kampanja ta’ terroriżmu kontra l-poplu Ukren waqt li s-Sindku ta’ Kiev, Vitaliy Klitschko, tenna li r-Russja qed tipprova toħloq ‘Ukrajna ġdida mingħajr il-preżenza tal-Ukreni’. Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fi Kiev qed jistennew li jaslu dalwaqt numru ta’ sistemi ġodda għal kontra l-attakki mill-ajru u li kapaċi jiddefendu aħjar lill-kapitali mill-attakki bid-drones tar-Russi.
//= $special ?>