Diversi osservaturi politiċi jemmnu li hi biss kwistjoni ta’ ġranet sakemm Liz Truss tirriżenja minn Prim Ministru – u wara li hi, f’Settembru, kienet saret ir-raba’ PM Britanniku għal dawn l-aħħar sitt snin.
L-indikazzjonijiet li Truss (ritratt) tista’ twarrab dalwaqt mill-kariga kibru wara li l-Kanċillier ġdid tal-Finanzi. Jeremy Hunt, irtira kważi l-qtugħ kollha fit-taxxa li l-Gvern ta’ Truss kien ħabbar xi ġimgħat ilu waqt il-mini-budget.
U waqt li l-familji u n-negozji Britanniċi qed ikomplu jiffaċċjaw inċertezza finanzjarja, l-osservaturi, fosthom xi eks Ministri, qegħdin jaqblu li l-aħħar żviluppi ‘neħħew it-tapit minn taħt saqajn Liz Truss’ li, bħalissa, qed tiltaqa’ mal-membri tal-Kabinett biex tipprova ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha wara anqas minn xahrejn bħala Prim Ministru. Dan ukoll meta numru ta’ deputati Konservattivi jridu li Truss twarrab minnufih mill-kariga preżenti.
Sadanittant, Jeremy Hunt, li laħaq Kanċillier (Ministru) tal-Finanzi minflok l-imkeċċi Kwasi Kwarteng, qed jidher li wettaq l-akbar U-turn fl-istorja tal-ekonomija Britannika, fejn għażel li jwarrab kważi kull element li kienu kkonfermati jiem ilu permezz tal-mini-budget.
Il-limitazzjoni imposta fuq il-prezzijiet tal-enerġija għall-familji issa hi garantita biss sa April li ġej – għalkemm il-miżura, ‘il quddiem, għandha tkun suġġetta għal reviżjoni. Sadanittant, għandu jibqa’ fis-seħħ it-tnaqqis fil-bolla għall-ħaddiem Britanniku.
Jeremy Hunt qal li l-politika tiegħu taħseb biex tindirizza u tikkalma t-taqlib finanzjarju ta’ wara l-mini-budget u li l-miżuri tiegħu qegħdin jitressqu ‘il quddiem mill-pjan ekonomiku li kellu jitħabbar lejn l-aħħar ta’ dan ix-xahar.
//= $special ?>