Internazzjonali

Ix-Xatt tal-Punent: Tkompli t-tensjoni f’Hebron wara numru ta’ inċidenti

I

Ix-Xatt tal-Punent, bħalissa, għaddej minn jiem ta’ tensjoni wara sensiela ta’ inċidenti bejn il-qawwiet tas-sigurtà Palestinjani u l-membri tal-grupp militanti Palestinjan Hamas li hu fost l-aktar entitajiet radikali fir-reġjun.

Dan meta l-pulizija tal-Awtorità Palestinjana, fl-aħħar tal-ġimgħa, arrestaw numru ta’ Palestinjani estremisti – membri tal-Hamas — li pruvaw jaqilgħu l-inkwiet fl-inħawi fl-aħħar jiem.

Fl-aħħar inċidenti, il-qawwiet tas-sigurtà ferrxu lid-dimostranti tal-Hamas li kienu qed jattendu rally fil-belt ta’ Hebron iżda t-tensjoni f’din iz-zona għadha akuta sa issa. Is-sostenituri tal-Hamas kienu nġabru f’Hebron biex juru solidarjetà mal-Musulmani li qed imorru jitolbu fil-Moskea Al-Aqsa ta’Ġerusalemm wara li l-qawwiet u residenti Iżraeljani kienu daħlu f’dan is-sit ‘bil-ħsieb li jiddesgrawh’.

L-istess membri radikali tal-Hamas Islamista protestaw ukoll dwar il-ħruq u tqattigħ tal-Koran – il-ktieb qaddis tal-Musulmani – fl-inħawi ta’ Hebron.