Lokali

Jibda jingħata t-tilqim kontra l-influwenza u l-varjant tal-Omicron

Bejn il-Ħadd u t-Tnejn f’pajjiżna ġew irreġistrati 23 każ ġdid ta’ Covid-19 filwaqt li fiequ 10 persuna oħra.

Fl-istess żmien fortunatament, l-ebda persuna ma tilfet ħajjitha kaġun ta’ dan il-virus biex b’hekk il-fatalitajiet mill-bidu tal-pandemija s’issa baqgħu jammontaw għal 806.

Fl-aħħar sigħat it-total ta’ każi attivi żdied bi ftit biex b’hekk f’pajjiżna bħalissa għandna 320 każ attiv.

Sadanittant, mit-Tnejn se tibda tingħata t-tilqima kontra l-influwenza kif ukoll it-tilqima kontra l-varjant tal-COVID l-Omicron.

Iż-żewġ dożi se jkunu qed jiġu offruti lil kull min għandu il’ fuq minn 55 sena, lin-nisa li huma tqal kif ukoll lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.

Dawn ser ikunu qed jingħataw fiċ-ċentri kollha tas-saħħa kif ukoll fil-kliniċi fil-komunità skedati. It-tilqim jistgħu jingħataw flimkien, f’idejn separati.  Apparti dan, l-adulti u t-tfal ta’ 12-il sena jew aktar li għandhom fost l-oħrajn kundizzjonijiet kroniċi respiratorji, tal-qalb, tal-fwied u diabetes se jkunu jistgħu jittlaqmu kontra l-influwenza u l-varjant Omicron.