Eluf ta’ dimostranti fl-Iran baqgħu għaddejjin bil-protesti kontra r-reġim Iżlamiku fundamentalista u meta spikkat sensiela ġdida ta’ dimostarzzjonijiet fid-diversi distretti ta’ Tehran.
Fil-fatt, ir-reġim Iranjan immexxi mill-Ayatollah Ali Khamenei qed jiffaċċja l-akbar sfida fuq livell nazzjonali mill-aħħar tas-snin sebgħin u waqt li qed jiżdiedu l-filmati fejn id-dimostranti jinstemgħu jgħajjtu biex il-Mexxej Suprem tal-Iran jingħata l-mewt ‘bħala dittatur li kisser pajjiżu.’
Intant, folla kbira fil-belt ta’ Ekbatan ukoll għajjtet is-slogans kontra l-Gvern Iżlamiku u fejn anki nġibed filmat ta’ mara waqt li kienet qed taħraq il-hijab tagħha fuq nar fost l-applawż tan-nies ta’ madwarha.
Il-protesti żbruffaw xahar ilu wara li Mahsa Amini, mara Iranjana ta’ 22 sena, mietet ftit wara li spiċċat arrestata mill-Pulizija talli ma kenix liebsa l-hijab – jew ix-xalla tar-ras – skont ir-regoli Iżlamiċi. Id-dimostrazzjonijiet ma damux ma nfirxu madwar il-pajjiż, bir-reġim ta’ Khamenei jinsab taħt pressjoni kbira waqt li qed juża l-ponn tal-ħadid mad-dimostranti.
Fi żviluppi oħra, il-mejtin fost nirien li nhar is-Sibt ħakmu l-ħabs ewlieni ta’ Evin issa telgħu minn erba’ għal tmienja – u fost konferma li n-nirien anki ħallew l-għexieren tal-midruba.
Il-kumpless tal-ħabs jinsab f’Tehran u mhux ċar jekk in-nirien seħħewx b’kaġun tal-inkwiet li għaddej bħalissa madwar l-Iran. Huwa minnu li mijiet ta’ persuni li sfaw arrestati għal sehem fil-protesti kontra l-Gvern Iranjan qed jinżammu f’dan il-ħabs fost allegazzjonijiet li huma qed ikunu maltrattati kontinwament mill-awtoritajiet u l-gwardjani fil-kumpless.
Sadanittant, il-ġudikatura Iranjana qalet li n-nirien kienu qabdu f’workshop tal-ħabs wara ġlieda fost il-ħabsin waqt li t-Televiżjoni Iranjana kontrollata mir-reġim sostniet li n-nirien kienu dovuti għal ‘pjan tal-ħabsin biex jaħarbu mill-kumpless’. Min-naħa tiegħu il-Kap tal-kumplessi tal-ħabs fl-Iran qal li l-qawwiet tas-sigurtà rnexxielhom ‘iġibu fix-xejn dan il-pjan tal-ħabsin’.
//= $special ?>

