Il-kumpilazzjoni tal-ġbir tal-provi kontra Jomic Calleja Maatouk, żagħżugħ ta’ 36 sena residenti Ħaż-Żebbuġ akkużat li ppjana biex jixtri l-velenu fatali Ricin, is-sustanza radjuattiva għolja Polonium, kif ukoll splussiv C4 ta’ grad militari fuq ‘dark web’ fl-2020, se tkompli mingħajr ma tistenna l-eżitu ta’ każ Kostituzzjonali li kien ippreżenta, l-akkużat, qalet il- qorti.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tat l-ordni f’digriet, wara li l-avukat ta’ Calleja Maatouk kien talab li l-kumpilazzjoni tal-provi tkun sospiża sakemm il-każ Kostituzzjonali tagħti deċiżjoni. Calleja Maatouk kien ġie arrestat f’Marzu 2020 wara li l-awtoritajiet lokali kienu ġew avżati minn servizzi ta’ ‘intelligence’ barranin dwar il-fatt li persuni mhux magħrufa minn Malta kienu qed jippruvaw jixtru C4 kif ukoll Polonium 210, ricin u l-opjojdu sintetiku Fentaynl, fuq ‘dark web’.
L-investigaturi kienu interċettaw komunikazzjonijiet bl-internet bejn persuna li tbigħ is-C4 u xerrej potenzjali. Il-pakkett li kien amplifier ta’ kitarra vojta li fih kienet inħeba stikka ta’ C4, li fortunatament kienet ġie interċettata mill-awtoritajiet Amerikani.
Wara li s-sustanza ġiet ikkonfermata bħala splussiv C4 vijabbli, tneħħiet, fil-preżenza ta’ uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u sostitwita bi splussivi finta, qabel il-pakkett kompla fi triqtu lejn Malta għal kunsinna kkontrollata ‘(controlled delivery). Calleja Maatouk sussegwentement ġie arrestat u tressaq il-Qorti fl-10 ta’ Marzu 2020, akkużat b’reati taħt il-Kodiċi Kriminali u l-Ordinanza dwar l-Isplussivi, kif ukoll bi ksur ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja preċedenti u reċidiva.
F’Mejju li għadda, l-avukat difensur Benjamin Valenzia kien ippreżenta kawża Kostituzzjonali kontra l-Kummissarju tal-Pulizija, l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali, fejn sostna li ma ngħatax l-informazzjoni kolljha tal-provi kontra l-klijent tiegħu, peress li l-pulizija kienet irrifjutat li tagħtih aċċess għall-intelliġenza li kienet wasslet għall-arrest tar-raġel.
Fost ir-rimedji għall-inugwaljanza tal-armi allegata mill-imputat, huwa kien talab lill-qorti għal miżura provviżorja, li tissospendi l-proċeduri kriminali kontrih sakemm jiġi indirizzat l-ilment Kostituzzjonali. Il-każ Kostituzzjonali qed jinstema’ mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey, li f’sentenza parzjali li ħarġet nhar l-Erbgħa li għadda ċaħad it-talba għal miżura provviżorja.
Dan filwaqt li osserva li l-ġurisprudenza Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem kienet stabbilixxiet li tali talbiet kellhom jinħarġu biss meta jkun meħtieġ għall-prevenzjoni ta’ dannu irreparabbli, u li fil-prattika, miżuri provviżorji kienu applikati biss f’numru limitat ta’ oqsma – li l-biċċa l-kbira tagħhom jikkonċernaw l-espulsjoni u l-estradizzjoni.
Meta t-Tnejn filgħodu komplew il-proċeduri kriminali kontra Calleja Maatouk, l-avukat difensur Valenzia talab lill-qorti biex tissospendi l-proċeduri, fid-dawl tal-fatt li l-kawża Kostituzzjonali relatata ma’ dan il-każ kienet għadha ma ġietx deċiża fuq il-mertu.
“Kieku dik il-kawża kellha tintlaqa’, ikollha konsegwenzi fuq is-smigħ xieraq ta’ din il-kawża u x-xhieda li l-akkużat ikun jista’ jsejjaħ.” Valenzia talab sospensjoni tal-proċedimenti sakemm tingħata deċiżjoni finali fil-kawża Kostituzzjonali – xi ħaġa li x’aktarx ma tiġrix għal xhur, jekk mhux snin.
Il-prosekuzzjoni ma għamlet l-ebda sottomissjoni dwar din it-talba. Il-Maġistrat Frendo Dimech ħabbret li qed tieħu avviż ġudizzjarju tad-deċiżjoni mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, ippreseduta mill-Imħallef Spiteri Bailey, li fiha t-talba għal miżura provviżorja kienet miċħuda. Innotat wkoll li l-proċedimenti kriminali kienu diġà waqfu għal perjodu konsiderevoli ta’ żmien. It-talba għal sospensjoni tal-proċedimenti ġiet miċħuda. Il-Qorti ordnat li l-każ ikompli f’Novembru.
//= $special ?>