Lokali Qorti

Mixli li seraq eluf ta’ ewro minn confectionary fin-Naxxar u karozza minn Ħaż-Żebbuġ

Raġel ta’ 45 sena minn Ħal Qormi ġie mixli quddiem il-Maġistrat Victor George Axiaq li nhar il-Ġimgħa tard filgħaxija seraq bejn €4,000 u €5,000 fi flus kontanti minn confectionary fin-Naxxar. Vince Cucciardi ġie mixli wkoll li għall-ħabta tal-10.30pm seraq ukoll mill-istess ħanut diversi oġġetti li jinkludu ikel u xorb, li għamel ħsara fil-bieb tal-ħanut meta sgassah u li seraq karozza propjetà tal-ECABS minn Ħaż-Żebbuġ.

Il-prosekuzzjoni mmexxija mmexxija mill-Ispettur Andrew Agius qalet li meta ċċekkjaw il-cameras tas-CCTV l-akkużat deher fil-post tas-serqa bil-karozza misruqa tinstab madwar seba’ minuti l-bogħod mir-residenza tiegħu. Fit-tfittxija li saret instabu beritta u ġekketta simili  ħafna ta’ dawk li deheru fil-filmat. Fil-karozza nstabet ukoll lieva li biha ġie sgassat il-ħanut.

L-Avukat Noel Bianco li deher għal Cucciardi qal li l-klijent tiegħu kien se jibda programm din il-ġimgħa, minħabba l-vizzju li għandu tad-droga. Tenna li l-imputat li jaħdem ma’ kumpanija tal-karozzi għandu familja Malta fejn ommu u oħtu kienu wkoll preżenti fl-awla.

L-Ispettur Agius oppona t-talba għall-plegg tal-akkużat minħabba l-akkużi serji li qed jiffaċċa fejn qal ukoll li l-kondotta tiegħu mhux waħda li tagħti s-serħan tal-moħħ. Huwa kien ukoll mar il-ħabs fl-2013 u li ilu bejn sentejn u tliet snin barra.

L-Avukat Bianco qal li l-Qorti dejjem għamlet minn kollox biex imputat ma jitlifx l-opporunità li jirriforma ruħu u jekk jispiċċa l-ħabs jitlef iċ-ċans tal-appuntament li għandu mas-social worker, Huwa qal ukoll li Cucciardi kkopera ħafna mal-Pulizija.

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-pleġġ tal-akkużat fejn l-ewwel ordnatlu li għal ebda raġuni ma jersaq jew jgħaddi mill-lokalitajiet tan-Naxxar u Ħaż-Żebbuġ, inkella jerġa’ jiġi arrestat. Huwa ngħata l-ħelsien ukoll fuq depożitu ta’ €500, li tħallsu minn ommu u garanzija personali ta’ €9,500 u li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Ħal-Qormi.