Lokali Qorti

Żagħżugħ jiċħad li stupra studenta ta’ 15-il sena li kien iltaqa’ magħha Paceville

Żagħżugħ ta’ 22 sena mill-Pakistan inżamm arrestat wara li ġie mixli bi stupru u li kkorrompa studenta ta’ 15-il sena li tinsab Malta biex titgħallem il-lingwa Ingliża. Hija ltaqgħet miegħu Paceville nhar is-Sibt filgħaxija. Humair Yaqoob tressaq il-Qorti quddiem il-maġistrat Victor George Axiak mill-Ispetturi Joseph Busuttil u Zachary Zammit, megħjuna mill-Prosekuturi Darlene Grima u Danica Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Huma akkużaw lil Yaqoob li għamel sess mhux kunsenswali mal-minuri, li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ persuna taħt is-16-il sena u li kkorrompa minuri. Waqt li ta ħarsa ġenerali lejn dak li wassal għall-arrest tar-raġel, l-Ispettur Busuttil qal lill-Qorti li nhar il-Ħadd li għadda l-għassa ta’ San Ġiljan ġiet infurmata li tfajla ta’ 15-il sena kienet ġiet stuprata u li sħabha kienu qed isegwu lis-suspettat, hekk kif stennew li l-pulizija jfeġġu u jaqbduh.

L-ispettur qal li mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-vittma kienet ġiet Malta mill-Isvizzera biex tistudja l-Ingliż. Hija kienet iltaqgħet mal-akkużat f’bar f’Paceville, u sussegwentement akkumpanjatu f’post imwarrab xi mkien bejn Pembroke u San Ġiljan.

Hemmhekk, it-tnejn kienu bdew jitbewssu, u hekk kif l-intimita ta’ bejniethom saret aktar intensa, f’ħin minnhom l-akkużat ippenetra fit-tfajla, allegatament kontra l-volontà tagħha. Yaqoob kien ġie arrestat fuq il-post, wara li l-ħbieb tat-tfajla, tfajliet ukoll kienu segwewh sabiex ma jħalluhx jiskappa f’lokalità iffullata.

Waqt l-interrogazzjoni, l-imputat kien qal lill-pulizija li kien qed ikollu x’jaqsam sesswalment mat-tfajla iżda li huwa kien waqaf meta kienet talbitu biex ma jkomplix. Żied jgħid li hi qaltlu li kellha 16-il sena. Yaqoob qal lill-Qorti li kien qed Malta biss għall-btala u ma kellu ebda impjieg hawn.

L-avukat tiegħu, David Bonello, informa lill-Qorti li l-akkużat kien qed iwieġeb mhux ħati tal-akkużi. L-Ispettur Busuttil esebixxa żewġ rapporti tal-pulizija u stqarrijiet awdjoviżivi maħruġa mill-akkużat waqt l-interrogazzjoni tiegħu, flimkien mal-permess ta’ residenza Taljana tal-akkużat.

L-Avukat Bonello talab il-ħelsien mill-arrest, u talab ukoll li l-prosekuzzjoni tiżgura li l-filmati tas-CCTV mill-klabb ikunu ppreservati, flimkien mal-istorja tat-tfittxija tal-akkużat fuq l-internet. L-Ispettur Busuttil wieġeb li l-filmati kienu diġà qed jiġu riveduti minn espert maħtur għall-inkjesta u li l-mobile tal-akkużat kien qed jiġi eżaminat ukoll.

L-Ispettur Busuttil esprima sorpriża għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, filwaqt li rrimarka li kien hemm tliet minorenni li kienu mistennija jixhdu fis-seduta li jmiss, hekk kif il-każ jibda jisntema’ quddiem maġistrat ieħor. Qal ukoll li-imputat ma kellu l-ebda rabtiet ma’ Malta, filwaqt li żied li l-permess tar-residenza Taljana tiegħu kien inħarġet wara li kien daħal l-Italja illegalment u għamel xi żmien f’ċentru ta’ detenzjoni magħluq.

Yaqoob kien qal lill-pulizija li kien ġie Malta biex isib xogħol u bħalissa kien qed jgħix ma’ ħabib tiegħu f’Birkirkara. Kien hemm biża’ kbira li jista’ jaħrab, qal l-ispettur. Bonello wieġeb li dan ma kienx “każ miftuħ u magħluq,” u li kien hemm il-possibbiltà li l-allegata vittma setgħet inizjalment tat il-kunsens tagħha għal dak li allegatament seħħ, iżda sussegwentement irtirat.

“Il-biża’ li jaħrab ma tiġix sempliċiment għax hu ta’ nazzjonalità barranija mingħajr rabta ma’ Malta, kif kien iddikjarat kemm-il darba mill-qrati superjuri, anke dan l-aħħar,” żied jgħid l-avukat filwaqt li saħaq li huwa fl-interess tal-akkużat li jipprova l-innoċenza tiegħu, u żied jgħid li din hija xi ħaġa li l-akkużat irid li sseħħ.

“L-allegata ħbieb tal-allegata vittma huma wkoll barranin u m’għandhom l-ebda rabtiet ma’ Malta”, żied jgħid l-avukat, filwaqt li enfasizza l-fatt li l-klijent tiegħu ma kellu l-ebda kuntatt minn qabel mat-tifla jew mal-ħbieb tagħha qabel l-inċident.

“Mhux ikkontestat li ltaqgħu fi klabb. Biex xi ħaddd jidħol f’dan il-klabb irid jipprova li għandu l-eta,” irrimarka l-avukat. Il-qorti, iżda ddeċidiet li kien hemm riskju reali li l-akkużat ifixkel il-proċeduri jekk kellu jingħata l-libertà proviżorja, peress li ma kellu l-ebda rabtiet mal-gżejjer u għalhekk kien jikkostitwixxi riskju oġġettiv li jivvjaġġa. Filwaqt li nnutat li l-prosekuzzjoni kienet impenjat ruħha wkoll li tissottometti x-xhieda tal-minuri involuti f’dan il-każ sad-data tas-seduta li jmiss, il-qorti ċaħdet it-talba għal libertà proviżorja f’dan l-istadju.