Lokali Qorti

Caħda oħra mill-Qorti biex ix-xhieda ta’ Melvin Theuma dwar il-job fantażma titneħħa

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Monica Vella reġgħet ċaħdet it-talba tad-Difiża biex titneħħa x-xhieda ta’ Melvin Theuma mir-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar ix-xogħol fantażma li ngħata Theuma. Dan iriżulta meta kompla l-każ dwar il-job fantażma li kien ingħata lil Theuma ħames xhur qabel l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-eks Chief of Staff f’Kastilja Keith Schembri, Yorgen Fenech li jinsab mixli bl-involviment fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kważi ħames snin ilu u tliet eks uffiċjali tal-gvern, Sandro Craus l-Kap tal-Customer Care f’Kastilja u Anthony Muscat li kien imexxi l-kumpanija Housing Maintenance and Embellishment Co jinsabu akkużati wkoll bħal Schembri b’serq u misapproprjazzjoni b’rabta ma’ dan il-każ.

It-Tlieta tal-ġimgħa l-oħra l-Qorti, fil-bidu tas-seduta l-Qorti ma laqgħetx talba biex titneħħa mill-proċess ix-xhieda ta’ Melvin Theuma fil-konfront tal-akkużati, liema xhieda kienet waħda limitata għaliex huwa ma riedx iwieġeb għad-domandi tad-difiża minħabba li beża’ li jinkrimina ruħu. Fil-fatt huwa kien wieġeb biss għal xi domandi li sarulu mill-prosekuzzjoini, iżda rrifjuta jwieġeb id-domandi li sarulu mid-difiża.

L-avukat Stefano Filletti li qed jidher għal Muscat qal li kieku Melvin Theuma kien ko-akkużat, kieku l-inammissibilità tiġi ddikjarata mill-Qorti. “L-Avukat Ġenerali mhux qed jifhem li din Qorti u mhux bazaar,” qal Filletti li ddeskriva s-sitwazzjoni bħala waħda surreali.

Filletti satqasa għaliex Theuma mhux qed jiġi kkunsidrat bħala ko-akkużat u jekk il-Qorti għandhiex il-poter tiggarantixxi l-aċċess ugwali tal-partjiet. L-Avukat qal l l-Avukat Ġenerali qed jilgħab logħba “cat and mouse” minflok iressaq kull akkużat kif mistenni minnu li jagħmel biex dan kollu wassal biex Theuma ma jixhidx.

Filletti saħaq ukoll li l-Qorti għandha tagħmel referenza kostituzzjonali biex “din il-balla tal-inammissiblità” tiġi deċiża. Kompla jgħid li hawn id-difiża tinsab fi vantaġġ “inaċċettabbli li nkomplu b’dan il-handicap,” saħaq Filletti. Il-Maġistrat Vella qalet li l-kawża tinstab fi stadju ta’ ġbir ta’ provi u xejn iżjed.

Kompliet l-każ jinstab ukoll fi stadju bikri u għamlet diversi referenzi kostituzzjonali tal-passat bħala eżempji. Id-Difiża qalet li ma kinitx se tikkontesta d-deċiżjoni u l-avukati tal-akkużati ħadu l-istess pożizzjoni ta’ Filletti. L-avukat Michael Sciriha, li qed jidher għal Sandro Craus,ukoll qabel ma’ Filletti fid-dawl ta’ dawn l-iżvantaġġi kollha li d-difiża qed tgħid li qed tiffaċċa.

Dawn huma inkjesti li l-Prosekuzzjoni trid tissostanzja f’dan l-istadju u fir-rigward ta’ Sandro Craus, l-uniku “xhud” huwa Melvin Theuma,” saħaq Sciriha, li kompla jgħid li Theuma ma riedx jixhed biex ma jinkriminax ruħu. “Għax forsi ma jgħidx il-verità?”, l-avukat staqsa, fejn huwa kkontenda li mhemm każ ta’ prima facie fil-konfront tal-klijent tiegħu.

Il-kumpilazzjoni mistennija tkompli l-Erbgħa, 19 ta’ Ottubru f’nofsinhar. Għal Keith Schembri qed jidhru l-Avukati Edward Gatt u Mark Vassallo, L-Avukati Charles Mercieca, Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran qed jidhru għal Yorgen Fenech. L-Avukat Michael Sciriha għal Sandro Craus, għal Muscat l-Avukat Stefano Filletti u għal Ellul deher l-Avukat Vincent Micallef.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Nicholas Vella. Hekk kif iż-żewġ partijiet diġa ddikjaraw li mgħandhomx aktar provi xi jressqu u saru s-sottomissjonijiet mill-partijiet fuq jekk jeżistux provi biżżejjed biex l-akkużati jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża, għada l-Qorti mistennija tiddeċiedi dwar dan.